Tħabbar roħs fil-prezzijiet ta’ 23 mediċina li wħud minnhom se jwasslu għal roħs sa 25% fil-mija fil-prezz.
Fost dawn antibijotiċi, mediċina kontra d-dipressjoni, pillola kontraċettiva, u kontra l-allerġija.
L-antibijotiku tal-penicilin magħruf bħala Augmentin raħas b’25 % u għalhekk il-pazjent se jiffranka minn roħs li jlaħħaq il-€5. Tħabbar ukoll roħs ta’ 22% fuq mediċina għad-dipressjoni, u ta’ 18% fuq pilloli kontraċettivi. Fl-istess waqt tħabbret lista ta’ 15-il mediċina ġenerika ta’ kwalità, li jfisser roħs ta’ bejn 4% u 62%. Dawn huma mediċini alternattivi għal oħrajn fis-suq.
Ir-roħs ta’ 62% kien irreġistrat f’mediċina li tintuża kontra wġigħ newropatiku bħall-fybromyalgia, kif ukoll l-epilessija u l-ansjetà. Roħs li jfisser li l-pazjent jiffranka sa 60% għal kull kaxxa ta’ 56 pillola.
Tħabbar ukoll roħs fil-prezz ta’ contact lenses, u ddaħħlu fis-suq għaxar mediċini ġodda.
B’hekk f’din il-leġislatura, fi tliet okkażjonijiet, raħsu mas-60 mediċina. Mill-2013 ’l hawn ammontaw għal 230.
Dan fl-istess waqt li ddaħħlu kważi 180 mediċina ġenerika oħra.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li r-roħs wasal b’ħidma bejn l-Awtorità tal-Konsumatur u l-Awtorità tal-Mediċini flimkien mal-importaturi u l-produtturi tal-mediċini:
“Roħs ma’ jfissirx biss li l-pazjent se jiffranka, imma li jkunu mediċini iktar aċċessibbli. B’dan nissalvagwardjaw, naraw li kura lejn il-pazjenti tasal għand kulħadd minkejja d-differenza finanzjarja.”
Iċ-Chairperson tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur, l-Inġinier Helga Pizzuto, qalet li l-Awtorità tħaddem mekkaniżmu biex tassigura prezzijiet xierqa meta mqabblin ma’ pajjiżi oħra.
Il-Professur Anthony Serracino Inglott, iċ-Chairperson tal-Awtorità tal-Mediċini nnota kif dan l-eżerċizzju sar biex ikun żgurat li l-mediċini jkunu ta’ kwalità għolja.