Hekk kif ftit tal-jiem ilu, l-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li l-ilbies tal-maskri huwa obbligatorju f’ċertu postijiet, is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina ħa l-inizjattiva sabiex fil-Kalkara jitqassmu maskri tad-drapp b’xejn.
F’isem il-kunsill lokali, sar avviż għal voluntiera u l-kunsill kien avviċinat min-numru sabiħ ta’ Kalkariżi li kienu lesti li jħitu dawn il-maskri għal Kalkariżi stess.
”L-idea hija li tkun inizjattiva mill-Kalkariżi għall-Kalkariżi. B’hekk il-Kalkara hija l-ewwel lokalita f’Malta u f’Għawdex li qed tqassam self-made masks f’kull residenza magħmula mir-residenti tagħha stess. Dan juri l-impenn tal-poplu Kalkariż, biex f’dawn iċ-ċirkostanzi nkompli nieħdu ħsieb xulxin” stqarr is-Sindku Wayne Aquilina.
Il-proċess tal-ħjata issa huwa lest, grazzi għall-voluntiera li ħadmu b’tant dedikazzjoni u issa beda t-tqassim bieb bieb f’kull residenza tal-Kalkara.