Il-belt kapitali Indjana Deli tinsab taħt emerġenza għas-saħħa pubblika minħabba l-amont ta’ tniġġis li hemm fl-arja. Kawża t’hekk tqassmu ħames miljun maskra fi skejjel fil-belt Indjana.
Bord tal-mandat tal-Qorti Suprema impona diversi restrizzjonijiet fil-belt kif ukoll f’żewġ stati ġirien minħabba li l-kwalità tal-arja inqalbet għal-livelli severi. Il-livelli ta’ partiċelli perikolużi fl-arja huma madwar 20 darba aktar mill-massimu maqbul mill-Organizzazzjoni għas-Saħħa Dinjija. L-iskejjel ta’ Deli se jibqgħu magħluqa sa nhar it-Tlieta li ġej.
Ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni twaqqaf għal ġimgħa filwaqt li l-logħob tan-nar ġie pprojbit. Minn nhar it-Tlieta li ġej, il-belt se tintroduċi skema temporanja sabiex karozzi bi pjanċi bil-fard jew biż-żewġ isuqu fi ġranet differenti, bil-ħsieb li jonqos it-tniġġis mit-traffiku.