Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), temmet eżerċizzju ta’ tqassim ta’ ikel lil persuni fil-bżonn, bħala parti mill- proġett ta ‘state-funded food distribution’.
B’kollox tqassmu madwar 17,000 kaxxa ta’ ikel, 16,000 f’Malta u 1,000 kaxxa f’Għawdex, bin-nefqa totali tammonta għal-€300,000.
B’differenza minn snin preċedenti, il-kaxxi tal-ikel din is-sena tqassmu fir-residenzi rispettivi, bil-għan li ma jkunx hemm iffullar u possibilità ikbar ta’ tixrid ta’ Covid-19.
Dan it-tqassim tal-ikel sar tul l-aħħar jiem f’diversi lokalitajiet mit-Tramunta san-Nofsinhar ta’ Malta, kif ukoll f’Għawdex.
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon stqarr li dan l-eżerċizzju wera l-effiċjenza tal-ħaddiema tal-FSWS, li mhux biss ħadu ħsieb it-tħaddim tas-sistema, iżda qassmu l-ikel fid-djar f’temp qasir u kkordinat. Dan filwaqt li qed jagħmlu anki kuntatt telefoniku ma’ iktar persuni vulnerabbli sabiex jaraw li għadhom il-bżonnijiet meħtieġa.
Dan kollu huwa xhieda ta’ Gvern b’ruħ soċjali, li jifhem u jagħder lil min huwa verament fil-bżonn, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.