Fl-iskejjel Maltin, qed jitqassam kopja tal-ktieb dwar l-ibbulljar miktub u illustrat minn Dunstan Hamilton, “Il-Papagall tas-Surmast”, sabiex jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali għall-Edukazzjoni, li din is-sena għandu t-tema “It-Tagħlim għall-Paċi Dejjiema”. Il-ktieb se jkun qiegħed jintuża matul il-lezzjonijiet tal-PSCD bl-għan li jgħin lill-istudenti jevitaw l-ibbulljar filwaqt li jieħdu azzjoni pożittiva u jistabilixxu mod ta’ kif għandhom jgħinu f’każ li jaraw xi ħadd li qed jiġi bbulljat. It-tema tal-ktieb tolqot ukoll temi li jqajjmu kuxjenza dwar sfidi dinjin, fosthom it-tibdil fil-klima, il-kunflitti, l-inugwaljanza, id-diskriminazzjoni u d-diskors ta’ mibegħda.
Għal din l-okkażjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka, u l-Innovazzjoni Clifton Grima żar l-iskola Primarja tan-Naxxar, Kulleġġ Maria Reġina fejn iltaqa’ mal-ħames sena u ppreżentalhom kopja ta’ dan il-ktieb. Fil-messaġġ tiegħu lill-istudenti, il-Ministru saħaq kemm hu importanti li minn età żgħira, l-istudenti jibdew jibnu lilhom infushom sabiex ikunu ċittadini denji u responsabbli filwaqt li fakkar ukoll li każi ta’ bbulljar iwasslu għal konsegwenzi koroh. Kompla jgħid ukoll kemm hu sinifikanti dan il-jum.
Il-ktieb, li għandu wkoll verżjoni bl-Ingliż, isemmi wkoll is-servizz mogħti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, permezz tal-Anti-Bullying Services fi ħdan in-National School Support Services, kif ukoll l-għajnuna li wieħed jista’ jsib meta jċempel fuq in-numru 179.