B’nefqa ta’ kważi €31,000, l-Aġenzija Sapport installat 24 defibrillatur fiċ-ċentri u r-residenzi kollha li jattendu fihom ta’ kuljum mijiet ta’ persuni b’diżabilità.
Din il-magna magħrufa bħala Automated External Defibrillator hija strumentali biex tkun salvata l-ħajja ta’ persuna li jista’ jħossha ħażin għall-għarrieda, l-aktar minħabba xi attakk tal-qalb.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Dar Ave Maria fil-Marsa li jgħixu fiha tliet tliet persuni b’diżabilità b’mod indipendenti, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras qalet li dan il-proġett se jgħin fl-ewwel għajnuna lill-persuna milquta u li fi kliemha tista’ tkun kruċjali bejn ħajja u mewt.
Sciberras spjegat: “Allura rajna li dan ikun apparat tajjeb ninvestu fih biex jekk alla ħares qatt jinqala xi ħaġa aħna nkunu minn tal-ewwel li nkunu nistgħu nittrattaw dawn ir-residenti u n-nies li jiġu fiċ-ċentri biex nilħquhom mill-ewwel.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u d-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis semma li fl-aħħar ġimgħat persuni professjonali ħarrġu sitta u erbgħin impjegat f’dawn iċ-ċentri dwar l-użu ta’ din il-magna.
L-Onor. Parnis sostna: “Illum b’apparat li qegħdin nagħmluh kull home f’kull dar f’kull residena għall-persuna b’diżabilità jekk jinqalalom xi ħaġa il-carers huma mgħallmin kif għandhom ju’aw dan l-apparat biex ma nitilfux ħajjiet tan-nies.”
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li l-gvern se jkompli jagħti l-għażliet lill-persuni b’diżabilità biex jgħixu b’mod indipendenti fil-komunità kif qegħdin jagħmlu t-tliet żgħażagħ li jgħixu f’Dar Ave fil-Marsa.