Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield għamel numru ta’ domandi wara s-sentenza tal-Qorti li kkonfermat l-iskandlu kbir tax-xiri tal-power station tal-BWSC fi żmien l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista.
Skandlu li fih tħallsu erba’ miljun ewro commission u li fil-proċess ra liġijiet jinbidlu biex il-pajjiż seta’ jagħżel power station taħdem bil-heavy fuel oil.
Fil-Parlament, Bedingfield għamel numru ta’ domandi dwar din is-sentenza li rriżultat biss għax kumpanija privata migduma fetħet kawża ċivili, u mhux għax l-awtoritajiet ta’ dak iż-żmien investigaw.
Il-Qorti qajmet ċerti domandi, u Bedingfield żied magħhom.
Qal, “Ma tistax wara li l-Qorti qajmet dawn id-dubji ma tagħmilx is-segwenti domandi. Għaliex ma nkitbitx kollha l-commission? Għaliex ried jaħbi x’kien l-ammont kollu tal-commission? U ngħid jien Mizzi biss ħa l-commission? Mizzi għadda xi ħlasijiet? Lil min għaddihom il-ħlasijiet li ħeba mill-kuntratt? Lil min biddel il-liġi biex seta’ jirbaħ it-tender? Qed nistaqsi jien! Kien hemm politiċi tal-Partit Nazzjonalista ta’ dakinhar u tal-lum li messhom xi biċċa minn dik il-commission?”
Id-Deputat Bedigfield tkellem u staqsa dwar l-investigazzjonijiet li għandhom isiru, anke wara din is-sentenza, filwaqt li tenna li l-prezz ta’ dik il-korruzzjoni, anke fil-mod kif jinxtara ż-żejt ħallsu l-poplu, li kien diġà qed iħallas kontijiet ogħla milli kienu qed jitħallsu fl-Unjoni Ewropea.
Qal, “Kienu jgħidu li l-prezzijiet żiduhom minħabba l-prezz internazzjonali. Kienu jigdbu. Il-prezz tal-elettriku fl-UE kien tela’ b’29%, f’Malta kienu għollewh b’67%. Il-petrol fl-Unjoni Ewropea, u d-diesel, kien għola b’14% u 25%, filwaqt li f’Malta kien żdied b’36% u 35%. Il-poplu Malti ħallas tal-korruzzjoni għal GonziPN.”
Id-Deputat Bedingfiled qal li min kien parti minn dan kollu ma jistax jagħti tagħlimiet u hawn irrefera wkoll għal dikjarazzjonijiet tad-Deputat Claudette Buttigieg il-Ħadd li għadda f’Birkirkara.
Buttigieg, li kienet taħdem id-Dar Ċentrali, qalet hekk:
“Il-Labour minn partit politiku sar organizzazzjoni kriminali.”
Hawn ir-risposta ċara ta’ Bedingfield, li fakkarha fi skandlu fid-Dar Ċentrali biex, fost oħrajn, tħallset il-paga tagħha stess.
Qal, “Tirċievi donation, toħloq dokument falz, tiddikjara li qed tagħti servizz, min qed jirċievi flus idaħħalhom fil-but u jużahom kif jidhirlu hu. Hekk taħdem il-Mafja. Dik hi s-sistema. U dik is-sistema użata mill-Partit Nazzjonalista meta kienu jirċievu donations u taparsi jagħmlu r-reklami. F’dik l-organizzazzjoni kriminali l-Onorevoli Buttigieg kienet waħda mill-maniġers fil-kumpanija li kienet tiffasilfika u toħloq dokumenti foloz biex il-PN jirċievi d-donations. Dik li kienet tagħmel l-Onorevoli Buttigieg. Kienet kompliċi magħhom. Mela tiġi tgħajjar lilna!”