Tpoġġew l-aħħar żewġ strutturi tal-ħadid tal-pont pedonali fi Blata l-Bajda.
F’erbgħin siegħa ta’ xogħol mill-Ġimgħa filgħaxija, il-ħaddiema u kuntratturi ta’ Infrastruttura Malta bdew jgħaqqdu f’posthom l-aħħar żewġ strutturi li jiffurmaw il-gverta ta’ 105 metri bejn il-Ħamrun, il-Marsa u l-Furjana b’investiment ta’ €2,000,000.
Dan il-pont ġdid se jaqsam minn fuq Triq San Ġorġ Preca biex jgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa, kif ukoll it-terminals tal-vapuri tal-passiġġieri u l-park and ride tal-Furjana.
B’hekk dawk li jimxu jew jużaw ir-rota se jkollhom aċċess iktar sigur minn naħa għal oħra ta’ din it-triq arterjali u jitneħħa l-bżonn tal-pelican lights li hemm bħalissa.
Il-pont se joħloq aċċess dirett għall-ħames waqfiet tal-karozzi tal-linja li hemm fl-inħawi u se jagħmilha aktar faċli għall-passiġġieri li jkunu jridu jibdlu l-karozzi tal-linja biex jivvjaġġaw minn u lejn diversi lokalitajiet fin-nofsinhar tal-pajjiż.
L-istruttura se jkollha rampi baxxi biex iċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jaqsmu min-naħa ta’ Triq il-Kbira San Ġużepp il-Ħamrun lejn in-naħa l-oħra tat-triq fil-Marsa jew bil-kontra.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal kif ħafna mix-xogħol sar u se jkompli jsir matul il-lejl biex it-triq tagħmel l-inqas ħin possibli magħluqa. Fil-fatt it-triq mistennija tinfetaħ mill-ġdid sal-Ħadd f’nofsinhar.