Fl-impenn tiegħu li jtejjeb is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati, tal-klijenti u tal-komunitajiet lokali, BNF Bank kompla jpoġġi defibrillators fil-fergħat tiegħu bħala miżura li, f’każ ta’ emerġenza, l-impjegati jkunu jistgħu jaġixxu fil-pront.
Flimkien mat-taħriġ, id-defibrillator hu tagħmir li jista’ jsalva l-ħajja u jiġi użat f’każ li persuna tesperjenza attakk tal-qalb. L-aħħar fergħat li tgħammru huma dawk ta’ San Ġwann, is-Siġġiewi, Ħ‘Attard u n-Naxxar. Aktar fergħat se jkollhom dan it-tagħmir fil-futur. Din l-inizjattiva hi parti mill-impenn kostanti tal-Bank lejn l-għanijiet u r-responsabbiltajiet tiegħu tal-ESG.
Rueben Bezzina, il-Kap tad-Dipartiment tar-Retail Banking ta’ BNF qal: “L-ambjent ta’ fejn nilqgħu lill-klijenti lejali tagħna jittejjeb b’mod kostanti. Aħna rridu li l-klijenti jħossuhom komdi u rispettati. Ir-relazzjoniji b’saħħitha u personali li għandna mal-klijenti tagħna jixhed dan. Dan hu ġest żgħir imma sinifikanti li jkompli jsaħħaħ l-impenn tagħna lejn il-klijenti u l-impjegati.”