Daħlu f’fażi ġdida x-xogħlijiet fuq il-pont il-ġdid tal-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu, hekk kif beda t-tqegħid tal-pont pedonali, l-ewwel minn żewġ strutturi ġodda li se jitpoġġew f’dan il-proġett.
Il-pont pedonali se jagħti aċċessibilità sigura lil min ikun qed jimxi, separatament mill-vetturi li jgħaddu f’dawn l-inħawi. Wara t-tqegħid ta’ dan il-pont, se jibdew ix-xogħlijiet fuq it-tieni struttura, li se tkun maħsuba għall-vetturi b’din mistennija titlesta fix-xhur li ġejjin.
Pjanti fl-Arkivju Notarili juru li l-pont eżistenti nbena fil-bidu tal-1900 u kien magħmul mill-ħadid u aktar tard imdawwar bil-konkos. Matul is-snin, il-pont ġarrab ħsarat konsiderevoli minħabba użu eċċessiv u dgħajjef.
Sħarriġ, li sar riċentement fuq l-istruttura tal-pont, wera li kien hemm difetti fuq il-binja. Is-soluzzjonijiet temporanji ma kinux biżżejjed u ttieħdet deċiżjoni li jsiru żewġ pontijiet ġodda, li huma siguri u li jagħtu aċċessibilità għal għanijiet differenti.
Infrastructure Malta għarfet il-valur storiku ta’ dan is-sit u żammet kuntatt dirett mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, b’din l-entità kienet involuta mill-bidu nett tal-proġett u kkontribwixxiet fid-disinn, filwaqt li qed tkompli tissorvelja l-ħidma li għaddejja.
Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, spjega kif dan il-proġett għandu żewġ miri importanti x’jilħaq, li jipprovdi passaġġ pedonali sigur għal kull min irid jaċċessa l-Forti Sant’Anġlu u li jinbena pont ġdid għall-użu tal-vetturi.
Hu qal li “se jkollna żewġ pontijiet, wieħed minnhom kważi lest, hu l-pont pedonali fejn se jkunu jistgħu jgħaddu nies bil-mixi, u l-ieħor imbagħad se nirranġawh biex ikun pont għall-karozzi. Ħa nkunu qed nħarsu li nimmodernizzaw il-pont, però fl-istess ħin inżommu l-karattru tiegħu. Post turistiku li nkomplu nkabbru biex il-forti jkollu dik id-daħħla sabiħa.”