L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) waqqfet il-ħsara maħluqa minn aċċess mhux awtorizzat għall-vetturi f’żoni naturali ta’ importanza fi Triq Daħlet ix-Xmajjar fil-Mellieħa, billi waqqfet l-aċċess tal-vetturi lil hinn mit-triq prinċipali asfaltata.
Wara Ordni ta’ Waqfien u Konformità maħruġa mill-Awtorità x-xahar li għadda, biex trażżan dawn l-attivitajiet illegali, l-ERA poġġiet numru ta’ blat qrib il-Punt Axix. Din l-azzjoni se tipproteġi aktar l-ambjenti naturali taż-żona u tippermetti r-restawr tagħhom permezz ta’ riġenerazzjoni naturali.
Din hija parti minn numru ta’ azzjonijiet li l-Awtorità ser timplimenta b’kollaborazzjoni ma’ Ambjent Malta u l-Ministeru responsabbli għall-ambjent. ERA ppubblikat il-Pjan ta’ Ġestjoni Natura 2000 għal dan il-qasam fl-2016, wara konsultazzjoni pubblika estensiva. L-għanijiet tal-Pjan ta’ Ġestjoni għandhom l-għan li jtejbu l-konservazzjoni tal-ambjenti naturali f’Daħlet ix-Xmajjel permezz ta’ numru ta’ miżuri ta’ kontroll għal aċċess mhux awtorizzat għall-vetturi.
Il-Perit Michelle Piccinino, Direttur tal-Ambjent u r-Riżorsi stqarret li “din l-azzjoni se tnaqqas il-fatturi li jikkawżaw id-degradazzjoni taż-żona. Hija waħda mill-passi lejn ir-rijabilitazzjoni u r-restawr taż-żona; biex tippermetti r-restawr tal-ambjent naturali u t-tgawdija taż-żona millpubbliku.
Din l-azzjoni hija waħda minn diversi attivitajiet li l-ERA qed twettaq biex iġġib il-quddiem kwalità ta’ ħajja aħjar f’Malta. ”
Is-sit fejn saret l-azzjoni jinstab f’sit Natura 2000: L-Inħawi tar-Ramla tat-Torri u l-Irdum talMadonna,
iddikjarata bħala żona protetta bis-saħħa tal-Att dwar il-Ħarsien tal-Ambjent. Għal aktar informazzjoni ikkuntattja lill-national.affairs.era@era.org.mt