Matul il-lejl bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, l-aġenzija Infrastructure Malta poġġiet f’postu pont ġdid għall-mixi u r-roti f’Kordin.
Dan il-pont li qed isir b’investiment ta’ miljun u sitt mitt elf ewro se jkun qed jaqsam minn fuq Triq Dom Mintoff, magħrufa wkoll bħala t-Telgħa ta’ Kordin.
Dan il-pont ta’ ħamsa u għoxrin metru se joħloq aċċess aktar sigur bejn il-Kampus tal-MCAST, iż-żona industrijali u r-residenti li jgħixu n-naħa ta’ Kordin flimkien max-xaqliba l-oħra ta’ Raħal Ġdid.
Qabel wasal dan il-pont, l-aġenzija Infrastructure Malta bniet l-istrutturi tal-pont u r-rampi li jwasslu għalih fuq il-ħitan għoljin li hemm mal-ġnub tat-triq. Sadanittant, fl-Italja nħadmet struttura tal-azzar ta’ sittax-il tunnelata, li ttelgħet f’postha permezz ta’ krejn u tpoġġiet fuq l-istrutturi li nbnew apposta biex isserraħ fuqhom.
Dan il-pont se jkun qed ineħħi s-sitwazzjoni preżenti, hekk kif bħalissa dawk li jivvaġġjaw bil-mixi, bil-karozza tal-linja jew bir-rota jkollhom jaqsmu diversi toroq arterjali u jimxu fuq bankini dojoq u b’ħafna karozzi għaddejjin magħhom.
Bħala parti minn dan il-proġett, qed jinbena passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti fl-inħawi ta’ Ġnien il-Mediterran.
Dan il-passaġġ se jgħaqqad il-pont mal-waqfiet eżistenti għall-karozzi tal-linja fit-telgħa ta’ Raħal il-Ġdid. Il-pont u l-passaġġ il-ġdid se jkunu attrezzati b’sistema ta’ cameras tas-sigurtà u dwal.
Dan il-pont se jikkumplimenta mal-pontijiet fi Vjal l-Avjazzjoni f’Ħal Luqa u fil-Blata l-Bajda.