Il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi żar iż-żona fejn ilbieraħ, minn tal-anqas ħamsa u għoxrin persuna tilfu ħajjithom wara li ħabtu żewġ ferroviji fin-naħa t’isfel tal-Italja.
Huwa ordna li ssir investigazzjoni uffiċjali fuq il-ħabta, li seħħet fuq binarju wieħed li jgħaddi minn nofs medda art bis-siġar bejn il-bliet ta’ Corato u Andria fil-Puglia. Iż-żewġ ferroviji jikkonsistu f’erba’ vaguni.
Numru ta’ persuni oħra jinsabu midruba, b’uħud minnhom qegħdin f’qagħda kritika.
Awtoritajiet tal-pajjiż qed jappellaw biex in-nies tagħti d-demm.
Intant, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Ruma tinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet Taljani, u kkonfermat li s’issa ma jidhirx li hemm Maltin fost il-vittmi jew midruba fl-inċidenti.
Maltin li jixtiequ jkunu jafu aktar informazzjoni dwar dan l-inċident jistgħu jikkuntattjaw l-Ambaxxata fuq in-numru tal-emerġenza 00393482412437 għal aktar assistenza.