Avukati difensuri f’waħda mill-kawżi dwar l-isptarijiet talbu li l-espert ewlieni fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, l-Irlandiż Jeremy Harbinson, jitla’ jixhed fil-Qorti Maltija. Dan wara li t-Tlieta filgħodu l-Qorti, immexxija mill-Maġistrat Rachel Montebello, ikkonfermat li Harbinson ma jistax jiġi jixhed f’pajjiżna.
Dan anke kif irrapporta ONE News, ġurnata qabel skont rikors, li ddaħħal mill-Avukat tiegħu Peter Fenech, fejn ingħad li ma jistax jiġi Malta, bir-raġuni li tinġieb tkun li martu hi marida.
Hawnhekk l-Avukat Gianella de Marco nnotat li l-fatt li l-ebda espert f’din l-inkjesta, li swiet lill-pajjiż mal-€11-il miljun, ma jrid jixhed hi inkwetanti. Tenniet li tali esperti mqabbdin spiċċaw ħadu l-miljuni u ħarbu.
Intqal ukoll li l-kontro-eżami f’dan il-każ ta’ kumpilazzjoni ta’ evidenza m’għandux jiġi ridott għal videoconferencing.
L-avukati reġgħu fakkru li Harbinson kien il-persuna responsabbli mill-kordinazzjoni tal-esperti kollha għar-rapport tal-inkjesta, li fuqu kienu bbażati l-ordnijiet ta’ ffriżar tal-persuni li qed jiffaċċjaw il-proċeduri, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Meta l-Qorti staqsiet minn fejn hu Harbinson, il-Prosekuzzjoni ma kinitx taf twieġeb mill-ewwel u, wara l-verifiki, qalet li hu mill-Irlanda ta’ Fuq.
F’din l-istess seduta xehed l-eks Deputat Nazzjonalista u Avukat tal-għaqda Repubblika Jason Azzopardi li, fil-Qorti, ippreżenta tliet kopji ta’ rapporti li qal li huma mill-2015 u huma tal-Malta Enterprise.
Meta mistoqsi mill-avukati difensuri, Azzopardi qal li hu qatt ma ra d-dokumenti oriġinali u li dawn kien irċevihom b’imejl.
Għal bosta darbi, Azzopardi qal li ma tantx jista’ jagħti dettalj biex ma jikxifx l-identità ta’ dawk li għaddewlu dawn id-dokumenti.
Qal li dawn id-dokumenti jinsabu għand il-Malta Enterprise, iżda mistoqsi fejn eżatt, Azzopardi ġab skuża u qal li, jekk jgħid, jispiċċa jikxef l-identità ta’ dawk li tawhomlu.