Fi proġett pilota maħsub biex inaqqas inkonvenjenzi u jiffaċilità r-riċiklaġġ, 800 bring-in-site se jinbidlu ma’ oħrajn ġodda magħrufa bħala ibins f’41 belt u raħal madwar Malta u Għawdex.
B’dan il-proġett, b’nefqa ta’ aktar minn nofs miljun ewro mill-koperattiva tar-riċiklaġġ GreenPak, se jiġu installati Intelliġent Bins, magħrufin aħjar bħala ibins. Dawn il-kontenituri se jġibu bidla sħiħa fl-immaniġġjar tal-iskart.
It-tnedija tal-ibins saret fil-lokalità ta’ Pembroke sabiex sa Marzu tas-sena d-dieħla jkunu nfirxu f’għadd ta’ lokalitajiet fosthom f’Tas-Sliema, f’San Ġiljan, iż-Żejtun, Ħ’Attard, Ħal Kirkop, il-Marsa, l-Imsida u Ta’ Xbiex. .
L-ibins huma mgħammra b’teknoloġija intelliġenti li tippermetti liċ-ċittadini jirriċilkaw erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.
Bl-użu tal-aħħar teknoloġija magħrufa bħala Internet of Things, introdotta għall-ewwel darba f’Malta minn Vodafone Malta, l-ibins għandhom il-kapaċità jimmonitorjaw il-livell tal-iskart li jkun qed jintrema fil-kontenituri u jibagħtu l-informazzjoni f’sistema ċentrali.
Ladarba l-ibins jintlew bl-iskart, GreenPak tibghat it-trakkijiet tagħha sabiex jitbattlu l-kontenituri l-ġodda.
B’din it-teknoloġija se jiġi evitat li ma jibqax aktar spazju fil-kontenituri u b’ħafna mill-iskart jispiċċa mormi qrib il-bring-in-sites.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Green Pak Mario Schembri spjega li permezz ta’ app ġdida fuq il-mobile, il-pubbliku se jkun jaf liema ibins huma l-aktar qrib tiegħu sabiex jirriċikla l-iskart:
“B’hekk, qegħdin inniedu dawn il-bins li b’sistema fuq l-internet, inkunu nafu liema qegħdin jimtlew”.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak kellu kliem pozittiv għas-sistema tal-ġbir tal-iskart Sort it Out, fejn sa issa diġà nġabar mal-1,500 tunnellata ta’ skart riċiklabbli u li issa se jkun qed jiġi ttrasformat f’diversi forom oħra fosthom f’elettriku:
“Hija inizjattiva tajba, u naraw ir-riżultati tajbin bħal skart ograniku”.
Prezenti għat-tnedija tal-ibins kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat, li ta ħajr lil Green Pak u Vodafone li daħlu għal dan l-investiment. Il-Prim Ministru qal li għal għexieren ta’ snin pajjizna għalaq għajnejh ghal diversi snin fejn jidħol l-iskart. Qal li l-Gvern qed jara l-iskart bħala sfida u opportunità li anke tolqot aspetti differenti fosthom it-traffiku li dan il-proġett se jindirizza wkoll.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern jinsab lest għall-kampanja oħra nazzjonali dwar l-iskema tal-irkupru tal-flixken tal-plastik li se tindirizza aktar minn 200 miljun kontenitur tax-xorb.
#Recycling meets #IoT with the new smart #iBin waste collection points, communicating real time with households and operators. Well done #Greenpak and @VodafoneGroup #Malta -JM pic.twitter.com/oiQpdteCtz
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) November 21, 2018