Il-proġett deskritt bħala ‘Għodda ta’ Tagħlim għat-Trawwim ta’ Kurżità Xjentifika’ fuq medda ta’ tliet snin fl-isem CURIO ġie mniedi dalgħodu fuq il-Kampus tal-Universita’ ta’ Malta fil-Belt Valletta. Dan il-proġett li l-għan tiegħu hu li jimpenja lill-istudenti u jistimula l-kurżità dwar temi xjentifiċi fil-livell elementari u dak tal-ewwel snin tal iskola sekondarja. huwa programm iffinanzjat mill-Erasmus +.
L-għodda CURIO tippermetti lil għalliema u studenti joħolqu xenarji li mbagħad ikunu jistgħu jintlagħbu f’ambjent virtwali f’forma ta’ logħba. Il-pjan ta’ azzjoni għat-tliet snin li ġejjin iffoka fuq informazzjoni għall-partijiet interessati u dawk li fil-futur ser jużaw l-għodda, b’enfasi fuq innovazzjoni teknika, opportunitajiet pedagoġiċi ġodda, u l-benefiċċji soċjali diversi li huma mistennija.
It-tim tal-Proġett CURIO huwa magħmul mill-Istitut tal-Logħob Diġitali tal-Università ta’ Malta, PlaceHolder Interactive (Malta), l-Università ta’ Venezja (l-Italja), l-Università ta’ Skövde (l-Isvezja), u l-Istitut Edward de Bono tal-Università ta’ Malta.
Meta rrefera għal dan il-proġett, l-Onor. Evarist Bartolo, Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, qal li qed issir aktar diffiċli tiġbed l-attenzjoni u l-konċentrazzjoni taż-żgħażagħ minħabba konsum diġitali żejjed. “Dan ser jibqa’ hekk waqt li t-teknoloġija tkompli tiġi rfinuta xjentifikament, b’mod analitiku u mfassla apposta biex tiġbed l-attenzjoni ta’ dak li jkun. Huwa għalhekk kruċjali li l-esperjenza edukattiva tifhem din ir-realtà li għandna quddiemna. Irridu nassiguraw li l-esperjenza tkun aktar attraenti u parteċipattiva, inkluż permezz tal-applikazzjoni ta’ elementi tal-logħob. Sa ċertu punt diġà qegħdin naraw li din it-teknoloġija qed tintuża tajjeb, permezz ta’ xi applikazzjonijiet popolari fit-tagħlim tal-lingwi u dak numeriku, biex jinkiseb dan il-għan”.
CURIO għandu fil-mira tiegħu speċifikament l-istudenti tal-iskola elementari u l-interess u l-kurżità tagħhom lejn suġġetti STEM, li huma partikolarment problematiċi fejn tidħol l-edukazzjoni primarja f’Malta. L-istudenti għandhom prestazzjoni baxxa meta mqabbla ma’ kważi l-membri l-oħra kollha tal-UE u l-interess kontinwu fl-istħarriġ xjentifiku jew saħansitra l-prospett ta’ karriera fir-riċerka mhijiex xi ħaġa li hi inkoraġġita jew iffaċilitata fis-snin formattivi kruċjali ħafna.
- L-Edukazzjoni hija waħda mill-punti ta’ enfasi ċentrali tal-istrateġiji soċjali u ekonomiċi kurrenti ta’ Malta (NCFHE, 2009)
- F’konformità mar-riżultati tas-snin preċedenti, il-Programm għall-Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (Program for International Student Assessment – PISA) tal-2016 ikklassifikat lill-istudenti Maltin fost l-inqas li ġabu marki fl-UE (OECD, 2016). Din l-evalwazzjoni tiffoka fuq il-loġika, il-matematika, ix-xjenza, u l-qari.
- Fix-Xejriet Internazzjonali dwar l-Istudju tal-Matematika u x-Xjenza (Trends in International Mathematics and Science Study – TIMMS), il-marka medja xorta għadha b’mod sinifikattiv aktar baxxa mill-medja internazzjonali.
B’dan il-prinċipju fundamentali u flimkien ma’ inizjattiva eżistenti biex tippromwovi l-litteriżmu diġitali u ċ-ċittadinanza diġitali (One Tablet per Child, li tnediet fl-2014), CURIO jaspira li jiffaċilita x-xogħol tal-għalliema u jrawwem l-interess tal-istudenti fl-iskoperta xjentifika, il-loġika, il-ħsieb laterali, u x-xjenzi naturali.