“Illum in-nies bl-internet jafu x’inhu tal-massa u handmade u issa bl-aċċess ġdid li għandna, Ta’ Qali huwa miftuħ għal kulħadd. Il-ġimgħa l-oħra rajt lil xi ħadd jimbutta wheelchair li għalija kienet xi ħaġa sabiħa ħafna għax qabel lanqas timxi ma stajt.”
Kumment skjett u ċar kristall fil-messaġġ tiegħu; ta’ skultur li għandu ħanut fil-Villaġġ tas-Snajja’ f’Ta’ Qali.
Eleazer Galea jaħdem biz-zkuk tas-siġar taż-żebbuġ, u ilu ġimagħtejn li fetaħ bibien ġodda għall-pubbliku f’Ta’ Qali.
“Aħna x-xogħol tagħna hu li noħorġu l-aħjar li nistgħu mis-siġra taż-żebbuġ. Jekk ikun hemm xi ħaġa fiz-zokk narawha u noħorġuha. Jekk qed nagħmlu skultura, inħallu l-injam jissuġġerixxi l-forma minħabba s-shape naturali tal-injama.”
F’ħanut ġdid u modern b’aperturi tal-injam u kuluri tradizzjonali Maltin, Eleazar esprima s-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħol li qed isir mill-Gvern fil-Villaġġ tas-Snajja’, hekk kif fi kliemu issa hemm post diċenti li jista’ jilqa’ lin-nies fih.
Qal ukoll li l-pass li jmiss għan-negozju tiegħu huwa li l-workshop jimxi mal-ħanut, biex in-nies ikollhom esperjenza aktar mill-qrib tax-xogħol li jsir b’tant dedikazzjoni bl-idejn.
“Aħna bħalissa qegħdin tnejn imma nemmnu li mal-medda taż-żmien iktar ma jgħaddi żmien u jitlesta Ta’ Qali naħseb li nkunu nistgħu ndaħħlu iktar nies magħna.”
Ma’ Eleazar tkellimna qabel konferenza tal-aħbarijiet li mmarkat it-tmiem tal-ewwel xogħlijiet fil-proġett tal-villaġġ tal-artiġġjanat f’Ta’ Qali.
Proġett li qed isir b’investiment ta’ aktar minn tlettax-il miljun ewro, u li qed jieħu l-ħajja issa wara snin fuq manifesti elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Ix-xogħol tlesta fil-ħin bl-inqas inkonvenjenzi possibbli, biex issa numru ta’ artiġġjana Maltin diġà qed jesebixxu l-prodotti tagħhom.
Il-Ministru Chris Cardona qal li dan huwa proġett futureproof u se jkun assigurat li jibqa’ ħaj b’attivitajiet matul is-sena kollha.
Fl-istess waqt fix-xhur li ġejjin se jiġi ffirmat Memorandum of Understanding mal-Ministeru tal-Edukazzjoni biex l-istudenti wkoll jagħmlu użu mill-faċilitajiet f’dan il-villaġġ.
“Ser niffurmaw fondazzjoni li tkun simili għal dik li qed niffurmaw f’zoni industrijali oħra biex l-amministrazzjoni ta’ dan il-villaġġ ġdid li fih hawn nefqa sostanzjali ta’ aktar minn 17-il miljun ewro li huma flus mill-Unjoni Ewropea u flus li ħarġu l-operaturi stess, jibqgħu jiġu mmassimizzati b’tali mod li dan il-villaġġ mhux jintesa imma jibqa’ jattira aktar nies u jidħol fil-kalendarju ta’ dawk li jżuruh,” qal il-Ministru Cardona.
Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li f’dan il-proġett il-Fondi Ewropej qed jgħinu b’mod tanġibbli biex dawk involuti jkomplu mexjin ’il quddiem.
“Mhux biss fl-infrastruttura kif qed naraw illum imma wkoll fondi fil-ħiliet, l-upskilling u r-reskilling tal-workforce Maltija imma wkoll EU Loans li jmorru għal rati ta’ interess tajbin ħafna u vantaġġjużi għan-negozji Maltin u Għawdxin biex insostnu u nikkonsolidaw it-tkabbir ekonomiku li pajjiżna għandu bħalissa,” qal is-Segretarju Parlamentari.
Il-proġett kollu tal-Villaġġ tas-Snajja’ f’Ta’ Qali mistenni jkun lest sas-sena d-dieħla.