Il-Gvern flimkien mal-Malta Enterprise ħabbar it-tnedija ta’ skemi li kien tħabbru fil-Pjan ta’ Rkupru f’April li għadda, b’investiment totali ta’ €20 miljun.
Fil-binja tal-Malta Enterprise ġie spjegat kif fil-fatt se jiftħu l-applikazzjonijiet għal tliet skemi partikolari li b’kollox ikopru 12-il miljun u mitt elf ewro.
L-ewwel skema li għaliha se jibdew jintlaqgħu l-applikazzjonijiet, hija l-għotja ta’ €1,000 għal dawk in-negozji li ntalbu jibqgħu magħluqa wara l-10 ta’ Mejju minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija. Fil-fatt mill-25 ta’ Ġunju n-negozji eleġibbli se jintbgħatilhom messaġġ elettroniku sabiex jimlew formola sempliċi sabiex jirċievu din l-għotja.
It-tieni skema li se tkun qed tiftaħ hija dik tal-għajnuna fil-kirja tan-negozji. Għal din l-iskema huma eliġibbli elfejn negozju li kellhom jagħlqu f’Marzu li għadda. Dan filwaqt li dawk li fl-2020 kienu qed jirċievu l-Wage Supplement u l-għajnuna fil-kera, issa wkoll se jkunu qed jirċievu nofs l-għajnuna li rċevew fl-2020.
Għal din l-iskema n-negozji jirċievu għajnuna skont kemm għandhom ħaddiema fuq il-Covid Wage Supplement u kemm il-kirja għandhom.
L-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jintbagħtu f’nofs Lulju.
It-tielet u l-aħħar skema li tnediet kienet dik ta’ rifużjoni fuq il-kont tad-dawl. Permezz ta’ din l-iskema se jiġi kopert nofs il-kont tad-dawl li ntbagħat lin-negozji għax-xhur ta’ bejn Ġunju u Awwissu. Għal din l-iskema wkoll huma eliġibbli dawk li kellhom jagħlqu bejn Marzu u April tal-2021.
Bħal fl-iskema tal-għajnuna tal-kera, l-għajnuna tingħata skont kemm in-negozji għandhom ħaddiema fuq il-Covid Wage Supplement u kemm il-kont tal-elettriku għandhom.
Fix-xhur li ġejjin se tkun qed jintbagħat messaġġ elettroniku li permezz tiegħu s-sidien u n-negozjanti jkunu jistgħu japplikaw għall-iskema.
Dwar dawn l-iskemi ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprises Kurt Farrugia hekk kif sostna l-importanza ta’ din l-injezzjoni diretta fl-ekonomija Maltija.
Farrugia tkellem ukoll dwar l-għajnuna kontinwa tal-Gvern fl-aħħar xhur minħabba l-pandemija. Fost oħrajn ħabbar l-ispiża aġġornata tal-Gvern dwar il-Covid Wage Supplement.
Huwa qal, “Fl-aħħar 16-il xahar f’Wage Supplement biss diġà ħriġna aktar minn €600 miljun f’assistenza. Assistenza lil aktar minn 100,000 impjegat u aktar minn 16,000 negozju. Dik hija assistenza li tajna xahar b’xahar u prevista li tibqa’ għaddejja u naħsbu li naqbżu l-€800 miljun f’assistenza għall-employment u għax-xogħol.”
Min-naħa tagħha l-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli rrimarkat kif din l-għajnuna tal-Gvern tkompli tixħet dawl fuq il-prijorità li jingħataw l-impijieg f’pajjiżna.
Hija stqarret: “Il-pandemija ċertament kienet sfida li ħadd ma seta’ jipprevedi u għalhekk mal-ewwel rajna li nagħtu l-appoġġ u s-sostenn kollu meħtieġ lin-negozji f’pajjiżna. Wara kollox irridu nipproteġu lin-negozji biex inkunu qed nipproteġu l-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin. Dak huwa li għamilna f’dawn l-aħħar xhur u dan huwa dak li se nkomplu nagħmlu fix-xhur li ġejjin.”