Il-Ministeru għall-Edukazzjoni nieda sitt skemi ta’ boroż ta’ studju f’oqsma u livelli varji b’invesiment rekord ta’ tmin miljun ewro f’fondi nazzjonali u Ewropej.
Fil-fatt, dawn l-iskemi jittrattaw, fost l-oħrajn, l-arti, l-isports u l-lingwi, bit-taħriġ mogħti wkoll hu varjat hekk kif jibqa’ tiela’ sa livell post-dottorat.
Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Matthew Vella, innota kif dawn il-boroż ta’ studju jimxu id f’id mal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni.
“Strateġija nazzjonali li titkellem dwar il-persuna fiċ-ċentru u dawn il-boroż ta’ studju proprju qed jaraw t-trasformazzjoni ssir u ninvestu dirett fil-persuni. Mill-iżgħar żagħżugħ, li jista’ japplika għal dawn il-boroż, hu ta’ 11-il sena, persuni oħrajn u żgħażagħ oħrajn jistgħu japplikaw għal boroż ta’ studji differenti biex ikomplu jkabbru l-ħiliet. Dawn il-boroż ta’ studju saru b’konsultazzjoni u djalogu sħiħ mal-industrija u ma’ msieħba oħrajn biex naraw li ċ-ċittadini tagħna jkunu aktar persuni ħolistiċi.”
Matthrw Vella, Segretarju Permanenti
Il-Ministru responsabbli, Clifton Grima, spjega s-sinifikat tal-investiment b’saħħtu li qed isir f’dawn l-iskemi.
“Il-fatt li din is-sena qegħdin ninvestu mat-€8 miljun f’dawn il-boroż ta’ studju jikkonferma l-viżjoni tagħna. Viżjoni li dejjem ninvestu fir-riżorsa umana u anke l-konvinzjoni u l-għarfien li l-Maltin u l-Għawdxin għandhom il-potenzjal u l-opportunitajiet biex dawn itejbu dawk li huma l-ħiliet tagħhom.”
Il-Ministru Clifton Grima
Dawk interessati huma mħeġġa jiksbu aktar informazzjoni minn fuq is-sit myscholarship.gov.mt.