Il-festi fl-ibliet u l-irħula tagħna m’għadhomx biss tradizzjonijiet lokali, iżda issa huma parti mill-wirt dinji, anke b’rikonoxximent mill-UNESCO bħala wirt intanġibbli tal-umanità. Dan l-unur ukoll se jkun iċċelebrat b’dik li qed titqies bħala l-akbar festa s-Sibt 19 t’Ottubru fi Pjazza Tritoni, bis-sehem ta’ dak kollu li jagħmel il-festa Maltija unika.
Bi tħejjija għal dan, tniedew żewġ inizjattivi bl-iskop li jgħaqqdu lill-familji u t-tfal mal-kultura Maltija.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ħadu sehem f’taħdita mat-tfal dwar il-festi lokali fejn ukoll żvelaw logħba ġdida bl-isem ta’ ‘Mazz Vari’, li, b’sett ta’ karti divertenti bl-istatwi tal-festi, se tferrex iżjed il-kultura u t-tradizzjoni relatati.
Il-logħba se tagħti l-opportunità lil kulħadd, tfal u anke kbar, jiskopru aktar dwar dan il-patrimonju kulturali tagħna. Bis-sehem tad-direttur kreattiv Sean Buhagiar, ir-riċerka ta’ Noel D’Amato u l-artista Lella, dawn il-karti jinkludu dettalji dwar kull vara, bħas-sengħa tal-għamla, il-materjal u l-persunaġġi fil-vara, fost oħrajn.
Tnieda wkoll ktieb bl-isem ‘Irranġajtni għall-Festi’ ta’ Simon Bartolo, li jiġbor fih il-ferħ tal-festi u jwassal b’mod kreattiv il-kultura u l-valuri li jħaddnu. L-istorja tippreżenta karattri li jirriflettu l-entużjażmu popolari għall-festi Maltin, filwaqt li t-tpinġijiet ta’ William Calleja jagħtu ħajja lil dawn il-mumenti b’mod artistiku.
F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru Bonnici saħaq fuq l-importanza tar-rikonoxximent tal-festa Maltija mill-UNESCO, u kif dan irridu nkomplu niċċelebrawh, nippriservawh u nippromwovuh.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet kemm hu importanti li t-tfal ikunu involuti fil-festi Maltin biex ikunu huma li jkomplu jwasslu l-kultura tagħna minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Hi ħeġġet ukoll biex il-familji s-Sibt jingħaqdu fiċ-ċelebrazzjoni ‘Fuq il-Festa’ fi Pjazza Tritoni, li se tkun mifruxa fuq ġurnata sħiħa, l-ewwel b’quddiesa fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u, wara, b’marċi popolari minn banda kbira li wkoll se tinterpreta xogħol mużikali ġdid minn Maestro Ray Sciberras, li nkiteb apposta biex ifakkar l-unur mill-UNESCO.
Minbarra hekk, se jkun hemm attività kbira, li tinkludi snajja’ tradizzjonali, bħal kif isiru l-liedna, il-fustuni, il-pavaljuni u anke l-qubbajd. Ikun hemm ukoll spettaklu kbir ta’ logħob tan-nar sinkronizzat mal-mużika.