Fil-jum tant mistenni tal-Black Friday, li issa daħal sew anke f’pajjiżna, bosta jmorru bi ħġarhom biex jaħtfu l-opportunità li jakkwistaw kull xorta ta’ affarijiet billi jibbenefikaw minn roħs fil-prezzijiet.
Għal dan il-għan, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji nediet numru ta’ inizjattivi li jkopru dan il-jum, li din is-sena se jaħbat fi tmiem din il-ġimgħa.
Ingħad kif, fil-Black Friday ta’ din is-sena, il-maġġoranza tan-negozji qed jistennew li jirrapportaw andament aħjar, permezz ta’ sitwazzjoni ferm differenti minn tas-snin ta’ qabel u b’varjetà ta’ inizjattivi li żgur jolqtu l-għajn tax-xerrejja.
Għat-tieni sena konskettiva, il-Kamra tal-Kummerċ nediet pjattaforma onlajn fejn in-negozji jistgħu jidħlu u jirreġistraw biex jitfgħu l-offerti tagħhom. Fl-istess ħin, dawk il-konsumaturi li jidħlu fis-sit jistgħu jirbħu xi wieħed minn 30 voucher li se jkunu disponibbli.
Qalet, “Darb’oħra qed nistennew Black Friday li jkun b’saħħtu, fejn il-konsumatur jikkonkorri. Qed naraw ħafna offerti kif rajna anke bil-pjattaforma li għal darb’oħra din is-sena qegħdin innieduha fuq is-sit blackfridaymalta.eu li min-naħa tan-negozju jista’ jidħol jirreġistra biex hu jitfa’ l-offerti tiegħu hemmhekk”.
Agius Mamo rrimarkat li diġà hemm mija u sebgħin negozju, li jirrappreżentaw kważi ħames mitt outlet, kollha bl-offerti tagħhom. Permezz ta’ din l-inizjattiva, il-konsumatur jista’ jippjana bil-kwiet kif se jagħmel ix-xirja fil-lokalitajiet differenti.
Il-konsumatur jista’ jibbenefika minn issa mill-Black Friday, u wieħed jista’ jibqa’ jutilizza l-vouchers li se jintrebħu saħansitra wara li jgħaddi l-Black Friday.
Id-drittijiet legali tal-konsumaturi żgur mhux se jonqsu u f’każ li tinqala’ problema, il-konsumatur xorta għandu d-dritt ta’ rimedju bla ħlas.
Qalet, “Meta jkun hemm roħs bħalma hawn issa fi żmien il-Black Friday, huma d-drittijiet legali tal-konsumaturi li ma jonqsux, id-drittijiet tagħhom jibqgħu hemmhekk. Meta qed jinbiegħu l-prodotti dawn għandhom ikunu skont id-deskrizzjoni li jagħtihom il-bejjiegħ u jkunu wkoll ta’ kwalità bħalma jkunu prodotti simili. Issa jekk dan ma jkunx hekk, pereżempju jekk tinqala’ problema f’dan iż-żmien, il-konsumaturi xorta għandhom id-dritt ta’ rimedji bla ħlas.”
Waqt li enfasizzat li d-drittijiet legali tal-konsumaturi għandhom jiġu protetti, id-direttriċi spjegat li hu importanti li f’dan iż-żmien ir-roħs ikun indikat u jkun jidher il-prezz ta’ qabel.
Il-konsumaturi li jixtru onlajn ukoll għandhom d-drittijiet tagħhom, dik tal-14 day right of withdrawal, li għandhom jibqgħu hemmhekk u konsistenti mal-konsumaturi.
Il-Ministru għall-Inklużjoni, l-Organizzazzjonijiet Volontarji u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, sostniet li, waqt li l-Gvern se jkompli jgħin lin-negozji biex jimxu ’l quddiem, fl-aħħar xhur il-Gvern daħħal ukoll regoli ġodda li jipproteġu u jgħinu lill-konsumaturi.