Tnieda l-ewwel think tank għall-qasam tat-turiżmu li se jressaq proposti ‘l quddiem biex il-qasam ikompli jirkupra wara l-pandemija, u Malta tattira turisti ta’ kwalità.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Johann Buttigieg, spjega li dan jirrifletti l-impenn nazzjonali li għandha l-Awtorità f’dan iż-żmien ta’ wara pandemija.
Huwa stqarr: “L-MTA għandha responsabbiltà li nerġgħu noħorġu lill-pajjiżna mir-riċessjoni li daħal fiha, f’sens li nagħtu lill-familji u lill-poplu l-valur biex nerġgħu nġibu t-turist lejn pajjiżna. Irridu nattiraw lit-turist lura lejn Malta.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo ħabbar working group dwar l-ekonomija, biex jesplora mudelli ekonomiċi ġodda li jista’ jadotta l-qasam turistiku.
Ma’ ONE News żied jispjega li d-diskussjoni li se joħolqu l-professjonisti fiż-żewġ gruppi se tara kif, fid-dawl ta’ realtà ġdida u f’suq li xorta qed isir aktar kompetittiv, Malta tkompli tesplora swieq ġodda.
Fl-istess ħin dawn iż-żewġ gruppi, il-proposti li se joħorġu bihom, u d-diskussjoni li se joħolqu, se jwittu t-triq għal mentalità li l-gżejjer Maltin ikunu ċentru ta’ eċċellenza turistika. Dan jagħmel tajjeb ukoll għall-viżjoni tal-Gvern għal fejn irid jieħu lit-turiżmu fl-għaxar snin li ġejjin u jattira lejn Malta turisti ta’ kwalità.
Il-Ministru Bartolo sostna: “It-think tank u l-economic working group se joħorġu bi proposti u inizjattivi biex jiġu implimentati mill-Gvern jew l-MTA. Dawn se jgħinuna nagħmlu l-qabża li jmiss fil-kwalità fejn jidħol is-settur tat-turiżmu, biex naraw li l-kwalità u l-kwantità jimxu id f’id. Dan jidħol ukoll fil-viżjoni tal-Gvern għat-turiżmu għall-għaxar snin li ġejjin, mibni fuq tliet pilastri: recover, rethink, revitalize.”