Il-Parlament Ewropew approva bidliet fir-regoli interni biex jiġu evitati konflitti jew fastidju li jistgħu jseħħu fuq il-post tax-xogħol fis-segretarjati tal-Membri Parlamentari Ewropej infushom u b’hekk tkun tista’ tiġi promossa tmexxija aħjar.
Ir-regoli l-ġodda se jinkludu taħriġ mandatorju lill-Membri Parlamentari Ewropej infushom li se jiġu eletti wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej.
Min jonqos li jagħmel tali taħriġ fl-ewwel sitt xhur tal-mandat tiegħu se jkun ukoll suxxettibbli għal multi u anke ma jkunx jista’ jiġi elett f’karigi ta’ tmexxija, bħal pereżempju dawk f’kumitati Parlamentari, fost l-oħrajn.
Dan it-tibdil qed iseħħ kważi sena wara li fil-Parlament Ewropew kien irrapportat abbuż serju ta’ fastidju minn Membru Parlamentari Ewropew fuq mill-inqas tlieta mill-istaff tas-segretarjat tagħha.
Dakinhar ukoll kien ġie rrimarkat kif, kontra r-regolamenti nfushom, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, kienet raqdet fuq tali rapporti serji, li kienu ilhom f’idejha x-xhur qabel biss ħadet passi.
F’Mejju tas-sena l-oħra, l-EU Observer kien irrapporta kif Metsola damet aktar minn 30 ġimgħa biex ħadet passi kontra deputata tal-istess Parlament Ewropew wara li rċeviet ir-rapport finali dwar każ ta’ fastidju lil tliet assistenti parlamentari.
Dan meta r-regoli interni tal-Parlament Ewropew sa dakinhar kienu jistipulaw li l-President m’għandhiex iddum aktar minn sitt ġimgħat biex tagħti deċiżjoni wara Ii tkun irċeviet ir-rapport finali.
Issa r-regoli, li ddaħħlu mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament Ewropew din il-ġimgħa, se jaraw li t-taħriġ speċifiku jinqasam f’ħames temi differenti li jkopru r-reklutaġġ tal-assistenti, kif tmexxi tim b’suċċess, l-aspett amministrattiv u finanzjarju relatat mal-assistenti Parlamentari, kif ukoll prevenzjoni minn kull tip ta’ fastidju.
Dan it-tibdil issa se jmur quddiem l-istess Parlament Ewropew fl-10 ta’ dan ix-xahar.