Tliet studenti fi tliet soċjetajiet tal-baned lokali se jibdew bit-taħriġ ta’ strumenti li rari naraw fil-banda tal-lokal; dan hekk kif is-sena l-oħra it-tliet għaqdiet ibbenefikaw minn fond ta’ ftit aktar minn għoxrin elf ewro biex jixtru u jgħallmu lill-bandisti tagħhom dawn l-istrumenti.
Matthew Polidano, bandist żagħżugħ li jdoqq ma’ Banda Birżebbuġa esprima s-sodisfazzjon tiegħu, li permezz ta’ dan il-fond, wara snin issa se jkun jista’ jibda jitgħallem l-istrument favorit tiegħu.
Polidano stqarr, “Jien minn dejjem is-sax baritono u ilni nixtieq wieħed għal aktar minn sentejn u grazzi għall-iskema issa nista’ nitgħallmu.”
Ritienne Gauci, bandista mal-Banda Vittorja tan-Naxxar u li qed tibbenefika minn dan il-fond, qalet li l-ħoss tad-double bass li kienet tisma’ waqt il-kunċerti wassalha biex titgħallem dan l-istrument b’tonalità baxxa.
Ritienne qalet, “Meta kont immur il-kunċerti tal-Orkestra Nazzjonali kont nisma’ d-double bass allura dejjem kont affaxinat bil-ħoss tiegħu. U darba kont mort nara solo ta’ Gorgi Cincievski u vera għoġobni allura bqajt dejjem affaxinata b’dan l-istrument.”
Il-Ministru għall-Kultura Josè Herrera qal li dan huwa fond ieħor immirat u indirizzat biex jgħin lill-każini tal-banda.
Miegħu qabel il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda.
Noel Camilleri, Il-President tal-għaqda qal, “Għal dan l-iskop ikun hemm titjib mhux biss fl-aspett edukattiv imma wkoll fl-aspett tal-eżekuzzjoni tal-baned tagħna li jibqgħu dejjem il-pern kulturali ta’ pajjiżna.”
Id-Direttur tal-Istrateġija u l-Finanzi fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, Mary Ann Cauchi sostniet li diversi artisti rinomati f’pajjiżna bdew il-karriera tagħhom mal-banda tal-lokal, u għalhekk dan il-fond se jkun ukoll qed jiżra’ kultura ta’ strumenti differenti milli normalment naraw fil-baned.