Ġie mnedija l-iskema ‘Technology Extension Support Programme’, magħrufa fil-qosor bħala TESP. Din l-iskema hija parti mill-programm FUSION, il-programm nazzjonali ta’ fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni, amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST.
L-għan tal-iskema TESP huwa li tinċentiva lill-industrija sabiex tfittex sapport tekniku minn Istituzzjonijiet Edukattivi Għolja sabiex b’mod proattiv tiżgura li jkollha prodott innovattiv, ta’ kwalità, u li jħalli profitt.
L-entitajiet privati Maltin jistgħu jibbenifikaw minn sa massimu ta’ €40,000 għal kull proġett, fuq firxa ta’ 15-il xahar.
Kif spjega ċ-Ċhairman tal-MCST, Tonio Portughese, din l-iskema hija maħsuba biex tinkorpora r-riċerka u l-innovazzjoni f’kull stadju tal-iżvilupp tal-prodott jew tal-proċess, u fl-istess waqt tinċentiva l-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet pubbliċi u privati.
“Din is-sinerġija hija bżonnjuża ħafna biex ninkoraġġixxu aktar riċerkaturi, speċjalment mis-settur privat, biex jisfruttaw dawn l-opportunitajiet li għandna bil-għan li nwessgħu l-missjoni tagħna favur ix-xjenza u t-teknoloġija.”
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti spjega li, permezz ta’ din l-iskema, qed titwettaq miżura oħra tal-Budget 2023 biex jiżdied l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, bil-parteċipazzjoni tas-settur privat bi proġetti innovattivi f’diversi oqsma.
“Permezz ta’ dan il-programm, kemm l-industrija u anke l-akkademja se jikkollaboraw biex noħolqu prodotti, servizzi, u proċessi aktar innovattivi.”