Bil-għan li jkun hemm stampa ċara tal-persuni b’diżabbiltà fuq il-post tax-xogħol, tnieda studju mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà immirat għal inklużjoni sħiħa fuq il-post tax-xogħol.
F’din ir-riċerka ħadu sehem tliet mija u sitta u tletin persuna b’diżabbiltà kif ukoll tnejn u ħamsin persuna li jħaddmu.
Il-Ministru għall-Inklużjoni spjegat li tfasslu wkoll linji gwida għal min iħaddem biex ikunu jistgħu jidentifikaw għajnuniet meħtieġa għall-persuni b’diżabbiltà fuq il-post tax-xogħol.
Qalet kif, “Grazzi għal din ir-riċerka, seta’ jinħoloq dan il-proġett, linji gwida għal min iħaddem sabiex wieħed ikollu punt ta’ referenza. Dan jorbot ħafna mal-ħtieġa li jkun hemm kampanji edukattivi b’mod regolari anke fuq il-postijiet tax-xogħol.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon, irrikonoxxa li n-numru ta’ persuni b’diżabbiltà li jaħdmu rdoppja mill-elfejn u tnax ’l hawn, imma għad fadal ħafna xi jsir.
Spjega, “Is-settur mexa ’l quddiem, l-investiment bħala pajjiż fis-settur kiber, illum qed nitkellmu fuq nefqa ta’ iktar minn ħamsa u tletin miljun ewro fis-sena f’das-settur. Naħseb li mhux ma fadalx x’nagħmlu, irridu nagħmlu iktar veru, imma rridu nirrikonoxxu wkoll minn fejn tlaqna u f’dal-aħħar snin għamilna ħafna passi ’l quddiem.”
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, spjegat li r-riċerka hija kruċjali f’dan is-settur.
Spjegat, “Ir-riċerka tagħti bażi iktar minn xejn għall-politika aktar b’saħħitha. Jien inħares ‘il quddiem u għalhekk importanti u essenzjali li l-politiċi jipparteċipaw ukoll f’dawn id-diskussjonijiet għaliex issa wara li għandna r-riċerka bħala bażi, issa jkun imiss il-pass li jmiss.”
Hija sostniet li l-Kummissjoni se tibqa’ dejjem miftuħa għad-djalogu fl-aqwa interess tal-persuni b’diżabilità.