Ġewwa l-Esplora fil-Kalkara tnieda simulatur li se jgħin biex muturi jkunu ddisinjati b’mod personalizzati u aktar siguri.
Dan il-proġett bl-isem ta’ ADAMS sar mill-Università ta’ Malta permezz ta’ fondi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
L-għan ta’ dan il-proġett huwa li qabel wieħed jixtri mutur, huwa jipprova dan is-simulatur biex jara liema huwa l-aħjar mutur għalih. B’dan is-simulatur jista’ jintuża’ min dawk il-persuni li se jsuqu mutur għall-ewwel darba.
Dwar dan il-proġett, tkellimna mal-Inġinier Sean Agius.
Agius tenna, “Jipprova l-ADAMS u jagħmel simulation tal-Coast Road, jara fejn għandu ergonomic discomfort, it-technician ikun jista’ jċaqlaq il-mutur skont il-bżonnijiet tiegħu. Meta nkunu sibna l-configuration għal dik il-persuna, imbagħad ikunu jistgħu jieħdu d-dettalji, dawk il-measurements u nissugerulu lis-sewwieq, x’muturi jista’ jieħu biex ikun komdu fuqhom.”
Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija Jeffrey Pullicino Orlando qal kif dan il-proġett sar permezz ta’ fondi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Huwa qal kif permezz ta’ dawn il-fondi, ħarġu ideat tajbin li qed iwasslu biex isiru fir-realtà.
Pullicino Orlando qal, “Fih relevanza kbira u huwa attwali għax proġett bħal dan mhux biss tista’ boost lil pajjiżna ekonomikament f’setturi li huma tant importanti u aktar kemm qed jgħaddi żmien, aktar qed isir importanti, imma f’settur li jista’ jwassal biex il-ħajjiet tan-nies jiġu ssalvagwardjati u salvati.”
Preżenti għal din l-attività kien hemm il-Ministru responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, li saħaq kif l-edukazzjoni għandha rwol kruċjali fir-riċerka u l-innovazzjoni. Qal kif bis-saħħa tal-edukazzjoni tista’ titrawwem mentalità li tkun miftuħa għal kreattività.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti qal kif proġett bħal dan juri l-ħidma kbira li qed issir mill-professjonisti fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna.