Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali qed isaħħaħ is-servizzi tiegħu għall-bdiewa u r-raħħala permezz ta’ AgriKonsulta – servizz ta’ konsulenza professjonali b’xejn.
AgriKonsulta, imħaddem mid-Direttorat tal-Agrikoltura, joffri appoġġ tekniku u prattiku biex il-bdiewa jtejbu l-operat tagħhom, ikunu aktar produttivi u sostenibbli, u jżidu l-qligħ tagħhom. Wara l-ewwel sena ta’ suċċess fis-settur tat-tadam u l-ħxejjex, is-servizz issa ġie estiż ukoll għas-siġar tal-frott u t-trobbija tal-annimali.
Il-konsulenti ta’ AgriKonsulta jgħinu lill-bdiewa b’għarfien fuq l-użu effiċjenti tar-riżorsi, metodi ta’ produzzjoni innovattivi u protezzjoni tal-ambjent. Għar-raħħala, is-servizz jiffoka fuq it-trawwim u l-immaniġġjar tal-bhejjem, l-użu ta’ għalf effiċjenti, u t-tnaqqis tal-emissjonijiet li jaffettwaw il-klima. Bl-appoġġ ta’ AgriHub, il-konsulenza tinkludi wkoll teknoloġiji bħall-istazzjonijiet tat-temp u mudelli ta’ tbassir tal-pesti.
Il-Ministru Anton Refalo spjega kif bit-twettiq ta’ dawn l-istrateġiji s-settur agrikolu se jkun ukoll qed jagħti s-sehem tiegħu biex pajjiżna jilħaq l-miri stabbiliti fil-Viżjoni Malta 2050.
“AgriKonsulta hija xhieda ċara tal-impenn tal-ministeru biex niżguraw li kull min jaħdem fl-agrikoltura jkollu l-għodod, l-għarfien u l-appoġġ biex jirnexxi f’realtà li qed tinbidel. Se nkomplu naraw li s-settur agrikolu jkompli jissaħħaħ, jkun aktar sostenibbli u kompetittiv biex il-ġenerazzjonijiet futuri jkollhom għajxien aktar diċenti.”
Il-Ministru Anton Refalo
Għal aktar tagħrif dwar AgriKonsulta, wieħed jista’ jikkuntattja jew iżur l-uffiċċji tal-AgriConnect f’Ta’ Qali, Ħaż-Żabbar u Għawdex.
