Tnieda s-servizz ta’ assistenza professjonali mingħjar ħlas għal dawk iċ-ċittadini li jiġu affettwati minn siti ta’ kostruzzjoni biswithom. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard.
Dan is-servizz b’pariri legali u tekniċi se jingħata minn għaxar avukati u għaxar periti.
Il-Ministru Attard sostna li dan is-servizz se jagħti serħan il-moħħ lin-nies, waqt li se jkun qed jgħin partikolarment lil dawk li jħossuhom dgħajfa.
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, spjega li persuni li jeħtieġu l-assistenza għandhom iċemplu fuq il-helpline 138.
Hemmhekk il-persuna affettwata se tkun assistita minn rappreżentant li se jieħu d-dettalji u minn hemm jiġi determinat jekk il-każ hux wieħed ta’ natura legali jew teknika.
Wara li ssir laqgħa bejn il-persuna li titlob is-servizz u l-professjonist assenjat, tkun tista’ tibda tittieħed azzjoni, bil-għan li d-drittijiet taċ-ċittadin jiġu mħarsa u l-iżvilupp ikun jista’ jsir kif suppost u bl-inqas inkonvenjent.
“Hemm numru ta’ każi fejn it-terz ikun jixtieq aktar informazzjoni teknika jew legali rigward dawk id-dokumenti li ġew sottomessi. Għaldaqstant aħna, min-naħa tagħna, permezz tas-servizz li se nkunu qed nagħtu kemm ta’ periti u anke avukati, ħa nkunu qed nagħtu informazzjoni aktar ċara, aktar dettaljata, biex il-persuna li tkun qed tgħix fejn se jkun qed isir ix-xogħol, ikollha aktar serħan tal-moħħ.”
Il-Ministru Attard kompla li dan is-servizz ġdid hu parti minn kullana ta’ riformi li qed isiru f’dan is-settur, fosthom il-helpline 138 stess, li hi aċċessibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Hu qal li, sa tmiem il-ġimgħa li għaddiet, daħlu mal-1,600 telefonata, bi tliet kwarti minnhom ikunu rapporti u mistoqsijiet dwar siti ta’ kostruzzjoni.
Il-Ministru tenna li, b’tali riformi, diġà żdiedu sew l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni.
“Dan hu servizz, li ġie msejjes fuq dawk il-persuni li ġarrbu esperjenzi ta’ dan it-tip. Għarafna li hemm sitwazzjonijiet fejn dawn in-nies qed iħossuhom litteralment helpless quddiem sitwazzjonijiet li jkunu qed jiffaċċjaw fis-settur tal-kostruzzjoni u, għalhekk, ħassejna l-ħtieġa li ngħinu lil dawk li huma meqjusin bħala żvantaġġjati, billi noffrulhom assistenza kemm ta’ avukat għall-aspett legali u anke l-aspett tekniku bl-assistenza ta’ perit.”