Fuq tliet snin l-investiment fl-Aġenzija Sapport żdied b’seba’ miljun ewro. Dan hekk kif fis-sena 2020 l-aġenzija sapport kellha allokazzjoni ta’ 23 miljun ewro meta mqabbel mas-16-il miljun ewro allokati li kellha fl-2018. Dan ħareġ mir-rapport annwali li juri l-ħidma u l-kisbiet tal-aġenzija għas-sena 2020.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Ruth Rose Sciberras spjegat kif din kienet sena ta’ sfidi bla preċedent minħabba l-pandemija. Madankollu, kienet waħda b’bosta kisbiet għall-istess aġenzija fil-ħidma tagħha ma’ persuni b’diżabilita u l-familji tagħhom.
Hija qalet, “L-ikbar kisbiet kienu ovvjament is-saħħa u s-sigurtà tal-klijenti tagħna li aħna żammejniehom ‘il bogħod mit-tixrid tal-virus peress li aħna għandna diversi residenti u għandna anke djar ukoll u ċentri ta’ matul il-jum. Jiġifieri żammejna l-virus ‘il bogħod. Ukoll, ftaħna ċentru ġdid kif ukoll nedejna l-helpline għal persuni b’diżabilità.”
Fis-sena 2020 ntefqu wkoll kważi żewġ miljun u tmien mitt elf ewro fuq tliet residenzi ġodda. Waħda fiż-Żurrieq li x-xogħol fuqha huwa kompletament lest u tnejn oħra fil-Qrendi u f’Ħal Kirkop.
Dan bħala parti mill-proġett Soċjetà Ġusta li kien wiegħda elettorali tal-Partit Laburista. Fis-sena 2020 intefqu wkoll kważi €60,400 f’manutenzjoni fid-djar eżistenti tal-Aġenzija.
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli stqarrer kif dan ir-rapport annwali juri biċ-ċar fejn il-Gvern irid jieħu lil dan is-settur fis-snin li ġejjin, fost l-oħrajn permezz ta’ żieda fl-investiment.
Hija sostniet: “Dan ir-rapport jikkonferma l-ħidma bla preċedent illi kellna fis-settur tal-persuni b’diżabilità fejn għall-aktar darba din kienet l-iktar sena li kellna flus investiti f’dan is-settur. €23 miljun li tfisser żewġ miljuni aktar fuq is-sena preċedenti.”