Tnieda programm ta’ Żvilupp Artistiku, mmexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti, li se jinkludi erba’ skemi b’investiment dirett ta’ €800,000, mmirati biex ikabbru l-iżvilupp tat-talent artistiku u komunitarju kemm għal pjattaformi lokali kif ukoll internazzjonali.
L-erbgħa skemi jinkludu proġetti għar-riċerka u l-innovazzjoni, skambju internazzjonali tal-Kultura, il-Project Support Scheme u Kultura TV.
L-għan ta’ din l-iskema huwa li tinkoraġġixxi livelli ta’ riskju kreattiv u esperimentazzjoni. Dan filwaqt li tappoġġja proġetti ta’ kwalità, kif ukoll tidentifika t-talent lokali.
L-iskema tappoġġja wkoll t-traduzzjoni ta’ letteratura oriġinali Maltija għal kwalunkwè lingwa oħra bħal films, dokumentarji, drammi, animazzjoni, libretti u vidjow art.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħadd filgħodu, l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li din l-iskema hija fattur importanti fl-iżvilupp tas-settur kulturali u dak kreattiv għaldaqstant dawn l-iskemi se jkunu qed jilħqu diversi artisti ġodda.
Il-Ministru Bonnici qal, “Iva aħna bħala Arts Council għandna fondi vvutati biex namministrawhom u ngħinu l-artisti bihom skont diversi prijoritajiet. Illum qed niffukaw fuq prijorità waħda minn ħamsa li hija dik tal-iżvilupp tat-talent tal-artisti tagħna. L-artisti għandhom talent kbir u rridu nkomplu li dan it-talent jiġi żvilluppat id f’id mal-komunitajiet tagħna.”
Preżenti kien hemm ukoll id-Direttur għall-Fondi u l-Istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi fejn tenniet kif din l-iskema hija ffukata speċifikament għal Maltin li għandhom iktar minn 18-il sena biex jippromovu x-xogħlijiet tal-arti u l-produzzjonijiet kulturali tagħhom barra min xtutna.
Cauchi qalet, “Din ovjament taqa’ taħt l-aġenda tal-internazzjonalizazzjoni fejn artisti kreattivi u gruppi u entitajiet f’dan is-settur propu jkollhom prodott li jkun xieraq biex jiġi esportat. Esportat u anka jidħlu f’networking mal-kumplament tad-dinja. Id-dinja hija kbira għalhekk għandhom bżonn l-għajnuna u aħna noffru din it-tip ta’ għajnuna.”
Għal aktar informazzjoni tista’ żżur is-sit web tal-Kunsill Malti għall-Arti, iċċempel fuq 2334 7230, jew tibgħat email fuq fundinfo@artscouncil.mt.