B’investiment ta’ €14,000, Aġenzija Sapport nediet programm ta’ parenting skill għall-ġenituri b’diżabilità intellettwali.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-Gvern bit-tema “Gvern għan-Nies” fejn ġie spjegat li issa ġenituri b’diżabilità intellettwali issa ser ikunu jistgħu jirċievu programm speċjalizzat u prattiku dwar it-trobbija tal-ulied.
Fil-fatt, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif din il-prattika se tkun qed tingħata minn timijiet ta’ persuni speċjalizzati fil-qasam, b’apparat sofistikat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport Ruth Sciberras spjegat kif dan l-apparat jinkludi pupa fl-għamla ta’ tarbija li titħaddem bl-intelliġenzja artifiċjali.
Hija stqarret: “Ngħidula real life baby simulator fejn għandek qisha pupa li inti tiprogrammaha u din tibki, tbiddillha, tixrob, tkun ma tiflaħx, tista’ tagħmilha għandha s-sogħla u b’hekk aħna ntuha lil dawn il-persuna biex huma jkunu jafu x’jiġifieri tarbija.”
Flimkien ma’ dawn se jkun hemm kits apposta li juru l-proċess kollu tat-tqala u t-tibdil li jkun qed isir fil-ġisem tal-omm.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli spjegat li dan il-programm ġie maħluq fuq studju li sar mill-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, bl-istess Fakultà toffri wkoll taħriġ lill-ewwel grupp ta’ professjonisti, inkluż ħaddiema soċjali mill-Aġenzija Sapport.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet, “Din ir-riċerka hija importanti ħafna għaliex titfa’ dawl fuq dawk il-gaps li bħalissa qegħdin hemmhekk meta jaslu persuni b’diżabilità meta jkollhom tarbija. L-għan ta’ dan il-proġett huwa li aħna nagħfsu fuq dawn il-parental skills li huma neċessarji.”
Persuni li jkunu jixtiequ jirċievu dawn il-programmi ta’ parenting skills ser jiġu identifikati mill-professjonisti tal-Aġenzija jew jiġu referuti minn professjonisti oħra li jkunu involuti fil-ħajja tal-persuni b’diżabilità.