B’rabta mal-ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli ġie mniedi proġett pilota li ser joffri esperjenza unika liż-żgħażagħ ma’ imprendituri lokali.
Il-proġett, li hu l-ewwel tat-tip tiegħu ser jibda fil-lokalità taż-Żurrieq fejn żgħażagħ li huma interessati fl-imprentidorjat jiksbu kuntatt dirett ma’ imprendituri f’oqsma li huma interessati fihom.
B’hekk ideat ġodda miġjuba miż-żgħażagħ ikunu maqsuma ma’ imprendituri li ser joffru l-għarfien u l-esperjenza tagħhom ma’ dawn iż-żgħażagħ.
Din l-inizjattiva rat is-sehem ta’ JAYE, fondazzjoni li torganizza diversi attivitajiet ma’ studenti fl-iskejjel li ser ittella’ dan il-proġett mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq sabiex iż-żgħażagħ jingħataw it-taħriġ f’ambjent familjari għalihom.
Iċ-Chairperson tal-fondazzjoni JAYE, Chris Vassallo Cesareo stqarr, “Vantaġġ enormi huwa li ħa jkollhom kuntatt dirett, jiġifieri jekk eżempju hemm student imħajjar jidħol fl-ospitalità jew manifattura jew servizzi ħa jkollu kuntatt dirett ma’ imprendituri li jiġi minn dak is-settur.”
Il-Ministru għall-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli stqarret kif din l-inizjattiva għandha tkun mudell għal proġetti oħrajn li jkomplu jkabbru aktar għarfien u esperjenza fuq bidu ta’ kumpaniji għal tkabbir ekonomiku sostenibbli.
Il-Ministru Dalli spjegat, “Iddeċidejna li ngħaqqdu dawn l-istakeholders differenti biex ikollna imprendituri ta’ esperjenza li jistgħu jiggwidaw lil żgħażagħ li għandhom ideat fil-qasam imprenditrojali b’mod partikolari f’dan il-każ fejn tidħol is-sostenibbiltà.”
Barra minn hekk, fil-ġimgħa Ewropea għall-iżvilupp sostenibbli bejn l-20 u s-26 ta’ Settembru ser jittellgħu għadd ta’ inizjattivi oħrajn minn diversi għaqdiet dwar is-17-il mira maħruġa mill-Ġnus Magħquda.
Fost l-inizjattivi ser jitellgħu kampanji t’għarfien, pjattaformi online minn kumpanji b’prodotti sostenibbli u sessjonijiet gwida dwar l-istess oqsma.