Il-proġett intitolat Human-centred Elderly Assistance with Robotic Technology and Support, jew fil-qasir HEARTS, tnieda mill-Gvern biex jgħin lill-anzjani fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, bl-użu ta’ robots bl-Intelliġenza Artifiċjali.
HEARTS, li hu mmexxi mill-Professur Conrad Attard, hu biss wieħed minn għadd ta’ proġetti ta’ riċerka, li ġew iffinanzjati mis-Segretarjat għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Casa Arkati fil-Mosta, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari responsabbli, Keith Azzopardi Tanti, il-Professur Attard spjega kif dan il-proġett se jkun qed jagħmel id-differenza fid-djar tal-anzjani.
“Illum nidejna l-proġett HEARTS li hu ffokat kif se ngħinu lill-anzjani u anke lill-healthcare professionals fix-xogħol tagħhom. L-idea hi li noħolqu soluzzjonijiet li l-professjonisti jkollhom aktar ħin xi jqattgħu mal-anzjani fejn veru hemm bżonn, filwaqt li wkoll inzommu l-anzjani attivi u anke bl-għajnuna tar-robot ‘Pepper’ ikunu jistgħu jieħdu gost soċjalment fl-attivitajiet li jagħmlu.”
Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti faħħar din l-inizjattiva mill-Professur Attard u t-tim tiegħu, waqt li enfasizza li r-robots bl-ebda mod mhuma se jieħdu post il-ħaddiema li jaħdmu mal-anzjani.
Anzi, permezz ta’ dan il-proġett, se jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq affarijiet ta’ aktar importanza.
“Settur ieħor għal qalbna ferm hu dak tal-anzjani, nafu kemm il-popolazzjoni, aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qegħda tixjieħ, għalhekk permezz ta’ dan il-programm ta’ riċerka u innovazzjoni, ridna nikkonċentraw fuq din is-sezzjoni tal-popolazzjoni, permezz ta’ dan ir-robot li qiegħed jiġi żviluppat, li mbagħad aktar tard se jiġi adottat fl-Isptar San Vinċenz, se jkun qiegħed jassisti lil-ħaddiema kif ukoll lill-anzjani.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Jorgen Souness, tenna li huma dejjem disponibbli biex jipprovdu lok għal proġetti ta’ dan it-tip, li kapaċi jtejbu l-ħajja tar-residenti anzjani u tal-ħaddiema li jieħdu ħsiebhom.