It-tniġġis fl-arja li joħroġ miċ-ċmieni tal-cruiseliners u l-vapuri li jidħlu fil-Port il-Kbir se jonqos b’90% bis-saħħa ta’ proġett ambjentali ta’ madwar €50 miljun b’kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea.
Il-proġett minn Infrastruttura Malta se jwassal sabiex sa tliet snin oħra, il-vapuri tal-passiġġieri, li ħafna minnhom jaħdmu bil-heavy fuel oil, jibdew jitfu l-magni waqt li jkunu mal-moll u jibdew jieħdu l-elettriku mill-art.
Fit-tnedija tal-proġett fil-Port il-Kbir, il-Perit Janice Borg qalet li l-ewwel fażi tal-proġett b’nefqa ta’ €37 miljun se twassal il-cables minn taħt l-art u taħt il-baħar mis-substation tal-Enemalta fil-Marsa sal-Port il-Kbir. Hija spjegat: “Ħa nkunu wassalna l-cables sa fuq il-moll minn taħt l-art. Kif daħal vapur ħa jiġi qisu trakk żgħir li fuqu jkollu l-cable mrebmla, jaqbad mal-kaxxi permanenti li jkollna fuq il-moll u fl-istess ħin jaqbad mal-vapur.”








It-tieni fażi tal-proġett se twassal l-elettriku għal Ras Ħanżir f’Raħal Ġdid biex ikun jista’ jintuża minn vapuri oħra li jidħlu fil-port. Borg fissret: “Binjiet li nsejħulhom frequency converter buildings. Ħa jkun hemm ammont sostanzjali ta’ trinek hekk kif għandna 22 kilomteru ta’ cables xi jridu jitpoġġew biex naslu sal-postijiet fejn għandna naslu.”
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li studju li sar fl-2015 wera li kull vapur li jqatta’ tmien sigħat sorġut fil-port jitfa’ fl-arja aktar minn tunnellata ta’ dijossidu tan-nitroġenu.
Spjega li dawn huma ekwivalent għal 300,000 karozza f’daqqa li jinstaqu minn tarf sa tarf ta’ pajjiżna.
Huwa tenna: “L-istudji juru li 8 sigħat fil-Port il-Kbir juru li jniġġsu daqs 300,000 karozza li ssuq mill-Mellieħa sa Marsaxlokk. Hu ammont kbir ħafna. Bħala Gvern aġixxejna u hawnhekk Infrastructure Malta, waħda ser tibni u waħda ser topera proġett importanti ħalli dawn il-bastimenti malli jidħlu fil-Port jitfu l-magni u l-enerġija tingħata permezz tal-elettriku.”
Huwa stmat li fl-20 sena li jmiss Malta se tiffranka mat-€375 miljun li kieku jkollha tħallas għal spejjeż marbuta mal-arja, is-saħħa, l-ambjent, l-infrastruttura u l-biedja.
Il-Ministru qal li waqt li l-Gvern se jassigura li tkompli tiżdied l-industrija turistika, fl-istess waqt jonqos b’mod drastiku l-impatt fuq l-ambjent.