Ġie inawgurat proġett li ser ikun qed jistudja l-fenomeni soċjo-ekoloġiċi bejn is-sajd u ċ-ċetaċji.
Fost l-oħrajn kif annimali bħad-dniefel bl-aġir tagħhom jaffetwaw is-sajjieda u l-għodda li jużaw.
Dan il-proġett qed jsir mid-dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Agrikoltura, l-Akkwatika u x-Xjenzi tal-Annimali fl-MCAST.
L-ewwel parti tal-istudju bdiet fl-2019, bil-ġbir ta’ informazzjoni li ntużat sabiex ikunu kkwalifikati u kkwantifikati il-fatturi ta’ depredazzjoni fuq sajd artiġjanali.
Fil-fatt, s’issa ġie stabbilit kif iktar minn tliet kwarti tas-sajjieda intervistati esperjenzaw interazzjonijiet taċ-ċetaċji mal-irkapti tagħhom, u nnutaw li dan il-fenomenu qiegħed dejjem jiżdied.
Issa t-tieni fażi tal-proġett ser tkun immirata lejn informazzjoni u esperimenti mas-sajjieda direttament waqt is-sajdiet tal-pariti.
L-esperta tas-Sajd fi ħdan il-Ministeru għas-sajd, Dr. Alicia Bugeja Said spjegat kif din ir-riċerka ser twassal għat-tfassil ta’ numru ta’ miżuri reġjonali. Filfatt qaltilna li “meta inti jkollok riżultati reġjonali tkun tista’ anke tressaq il-proposti tiegħek f’istituzzjonijiet ogħla anke barra mill-pajjiż fuq livell ta’ Unjoni Ewropea sabiex flimkien nilħqu miżuri sabiex kemm nissalvagwardjaw l-ekonomija tas-settur tas-sajd u fl-istess ħin nassiguraw is-sostenibbilità tal-ambjent fejn jidħlu l-popolazzjonijiet taċ-ċetaċji.”
Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal- Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, il-Professur Joachim James Calleja, stqarr kif fl-MCAST qed isir investiment qawwi fir-riċerka.
Innota kif f’dan il-proġett, ir-riċerkaturi fl-MCAST qed jaħdmu ma’ riċerkaturi minn Spanja u l-Italja.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha tħabbar dan il-proġett il-Ministru għas-Sajd, Anton Refalo stqarr kif minn dan l-istudju ser ikunu qed igawdu primarjament is-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana stqarret kif proġetti bħal dawn juru l-importanza tar-riċerka fl-edukazzjoni, li qed tmur lil hinn mill-konfini tal-istituzzjonijiet edukattivi.
Il-manager tal-proġett, Matthew Laspina apella lis-sajjieda sabiex jipparteċipaw f’dan il-proġett għal ġid tal-ambjent u tal-mistjier tagħhom. Qal li “hu importanti li s-sajjieda jipparteċipaw f’dan l-istudju biex fl-aħħar mill-aħħar aħna nissalvagwarjdjaw kemm is-settur tas-sajd, kif ukoll is-settur tal-ambjent.”