Tnieda proġett pilota li se joffri testijiet għas-smigħ b’xejn fiċ-ċentri tas-saħħa lokali. Dan se jitmmexxa mill-Assoċjazzjoni tal-Awdjoloġisti Maltin, ser jikonsisti f’testijiet tas-smigħ għal madwar ħames mitt persuna.
Dan hu marbut tal-kampanja tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, ‘Hearing Care for All’, u mhux se jkun l-aħħar wieħed tax-xorta tiegħu.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Andrew Sciberras saħaq dwar l-importanza li wieħed għandu jiċċekkja s-smigħ b’mod regolari biex jevita kumplikazzjonijiet meta jibda jingħata t-trattament fi stadji bikrin.
Il-Ministru għall-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli tenniet l-importanza li wieħed jieħu t-testijiet u jieħu azzjoni f’każ ta’ bżonn.
“Imbagħad ikun ifisser li persuna ma tinqatax weħidha, ma tkunx eskluża fis-soċjetà u jkollha kwalità ta’ ħajja aħjar. Għaliex b’dawk ir-rakkomandazzjonijiet illi wieħed ser ikun qed jingħata jkollu linja gwida ta’ kif itejjeb is-sitwazzjoni tiegħu.”
Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba qal li jekk wieħed jieħu ħsieb s-smigħ tiegħu jista’ jipprevjeni mard ieħor marbut direttament ma’ problemi tas-smigħ bħad-dimensja.
“U din tħalli riperkussjonijiet kbar fis-soċjetà tagħna. Ftit jafu eżempju li waħda mill-akbar kawżi ta’ nuqqas ta’ smigħ hija per eżempju d-dimensja. Jekk nipprevjenu aktar il-problemi ta’ nuqqas ta’ smigħ inkunu nistgħu nipprevjenu numru ta’ mard ieħor relatat man-nuqqas tas-smigħ, ħafna drabi aħna l-anqas nirrealizzaw li għandhom x’jaqsmu.”