Ġie varat portal interattiv ġdid dwar ir-reġjun tal-Kottonera bil-għan li jiġi offrut lill-pubbliku mod ġdid ta’ kif jesplora l-istorja u l-kultura għanja tat-tlett ibliet tal-Birgu, Bormla u l-Isla, u r-raħal tal-Kottonera.
L-isem tal-portal interattiv hu ’Tales of Kottonera’.
L-isem kollettiv tar-reġjun ġie minn isem Fra’ Nicolás Cotoner y del Oleza, il-Gran Mastru Spanjol tas-seklu 17 li kkummisjona l-bini tal-linja ta’ swar msejħa l-Cottonera Lines, li pproteġewh minn attakki lejn l-art. Anke qabel il-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann fuq il-gżira, dawn l-inħawi kienu diġà ċ-ċentru marittimu tal-pajjiż – fejn Malta tiltaqa’ mad-dinja, u fejn iffjorixxew ideat u tagħlim ġodda.
Il-portal il-ġdid, żviluppat minn Heritage Malta permezz tad-Dipartimenti tal-Pubblikazzjoni u l-Edukazzjoni u l-Outreach fi ħdanha, b’kollaborazzjoni ma’ Marketlink Ltd., huwa minjiera ta’ riżorsi, perspettivi, fatti storiċi, rakkonti inqas magħrufa u kurżitajiet interessanti dwar dawn l-inħawi ikoniċi. Bl-aċċessibbiltà u l-interazzjoni miżmuma bħala prijorità, il-kontenut huwa mfassal għal diversi etajiet u udjenzi – minn tfal żgħar sa turisti u dilettanti tal-istorja, u l-proġett jinkludi għanijiet usa’ biex jippromwovi l-kollaborazzjoni u l-qsim tar-riżorsi u l-għarfien bejn il-partijiet maqgħquda flimkien mis-suġġett.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici rrimarka li “Dan il-portal il-ġdid jirrifletti d-dedikazzjoni tagħna għall-preservazzjoni kulturali, filwaqt li jiżgura li l-istejjer tal-Kottonera jilħqu udjenza wiesgħa. Jiċċelebra mhux biss il-meravilji arkitettoniċi u l-figuri storiċi tar-reġjun, iżda wkoll il-ħajja ta’ kuljum ta’ nies li sawru l-identità ta’ Malta matul is-sekli.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, stqarret li “bit-tnedija ta’ Tales of Kottonera, qed insaħħu r-rabta tagħna ma’ dawn iż-żoni sinifikanti u nagħmlu l-wirt tagħna aktar aċċessibbli kemm għar-residenti Maltin kif ukoll għall-viżitaturi. Dan il-portal huwa eżempju sabiħ ta’ kif it-teknoloġija u l-istejjer jistgħu jingħaqdu flimkien, biex jispiraw lill-ġenerazzjonijiet futuri.”
Waqt it-tnedija tal-portal il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, is-Sur Noel Zammit ikkummenta dwar kif: “B’ Tales of Kottonera, l-Aġenzija tkompli tnaqqas id-distakk bejn il-passat u l-preżent, u tagħti l-ħajja lill-istejjer vibranti tal-Birgu, l-Isla, Bormla u l-Kalkara għal kull età. Ridna nipprovdu esperjenza interattiva u immersiva li tistieden lil kulħadd jiskopri l-għeruq ta’ dawn l-ibliet straordinarji, u niċċelebraw it-tradizzjonijiet u r-reżiljenza li jiddefinixxu n-nies tar-reġjun tal-Kottonera.”
Żur www.talesofkottonera.com, u ħalli lilek innifsek tiġi ttrasportat fid-dinja affaxxinanti tal-wirt tal-Kottonera. Għal aktar informazzjoni, tista’ tikkuntattja lil Heritage Malta permezz tal-mezzi tal-midja soċjali tal-aġenzija, jew billi ċċempel fuq 22954300