Tnejn u erbgħin aġenzija tax-xogħol, li jġibu lill-ħaddiema barranin biex jaħdmu f’pajjiżna, magħrufin ukoll bħala temping agencies, diġà applikaw s’issa biex ikollhom liċenzja, skont il-liġi. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, meta indirizza laqgħa oħra ta’ informazzjoni għall-operaturi tal-aġenziji tax-xogħol.
F’din l-okkażjoni tnieda wkoll portal, li se jippermetti lit-temping agencies biex jirreġistraw l-operat tagħhom u japplikaw għal-liċenzja b’mod onlajn. B’dan il-proċess, ir-reġistrazzjoni se tkun aktar effiċjenti u konvenjenti.
Dan il-portal se jgħin lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi, id-DIER, fl-amministrazzjoni tal-liġijiet li tħabbru ftit tax-xhur ilu u issa ddaħħlu fis-seħħ.
Dr Ellul ittratta l-importanza ta’ din il-liġi, fejn minn Ġunju li ġej se jidħol fis-seħħ l-inforzar.
“Ovvjament dan se jagħtina aktar viżibilità bħala Gvern fuq is-settur, allura, ħa nkunu nafu min huma l-operaturi u l-ħaddiema tagħhom, f’liema settur qegħdin, biex fl-aħħar mill-aħħar qed nassiguraw li f’pajjiżna jiġu ħaddiema barranin fejn verament hemm bżonnhom f’dan is-suq tax-xogħol Malti, hekk b’saħħtu u kif ukoll jiġu f’pajjiżna bil-ħiliet neċessarji li hemm bżonn.”
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali appella lil dawk l-aġenziji li għadhom ma applikawx biex japplikaw onlajn permezz tal-portal il-ġdid ħalli jkunu konformi biex ikunu jistgħu joperaw kif jixraq.
Direttur ta’ aġenzija tax-xogħol, Reanue Falzon, faħħret il-liġi l-ġdida u l-introduzzjoni ta’ dan il-portal il-ġdid.
“B’din il-liġi diġà kien hemm kambjament. Dak li jkun irid jgħaddi minn ċerti fażijiet biex jiġi Malta, issa ħa jkun hemm anke l-iskills card. Bil-mod kif issa ġiet implimentata din l-e-form, se tiffaċilita l-proċess ta’ kif wieħed jista’ japplika, għax issa ovvjament tista’ tagħmilha onlajn u nemmen li, b’din il-fażi, Malta se tiġi rregolarizzata.”