Minn Ottubru li ġej se jiġu offruti aktar minn 400 kors f’aktar minn 70 suġġett differenti, li jvarjaw minn ħiliet bażiċi għal persuni li jixtiequ jsaħħu l-abilitajiet tagħhom fil-qari u l-kitba fil-Malti u l-Ingliż, jew fl-informatika, għal tagħlim f’erbatax-il lingwa differenti, u korsijiet imfassla apposta biex isaħħu l-prospetti tal-karriera.
Fost il-korsijiet il-ġodda li qed jiġu offruti wkoll, hemm korsijiet relatati mal-ħiliet bażiċi, fosthom kif wieħed jixtarr l-informazzjoni li jara fuq il-midja soċjali, u anke kif wieħed jieħu ħsieb il-finanzi tiegħu.
Mandy Mifsud, li hija l-uffiċjal eżekuttiv għat-tagħlim matul il-ħajja, spjegat li hemm firxa wiesgħa ta’ korsijiet, li huma maqsumin f’ħames kategoriji differenti.
“Wieħed jista’ jitgħallem lingwa, u hemm lingwi biex wieħed jifhem, hemm 14-il waħda differenti. Mhux biss dawk tas-soltu, iżda wkoll dawk kemxejn aktar eżotiċi bħaċ-Ċiniż u l-Ġappuniż. Hemm il-Creative Expression, korsijiet relatati mal-artiġjanat u l-xogħol tal-idejn. Korsijiet li huma importanti għall-edukazzjoni tat-tieni ċans, minn forsi jrid jikseb O levels u A levels li ma kellux iċ-ċans jagħmel fil-passat.”
Il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, spjega li t-titjib li sar fil-korsijiet għall-adulti juri l-impenn li għandu dan il-Gvern sabiex il-Maltin jibqgħu jinvestu fihom infushom tul ħajjithom.
“It-tagħlim huwa ċ-ċavetta għal kwalità ta’ ħajja aħjar, u allura qed naraw proprju li, id f’id ma’ diversi stakeholders, inklużi l-kunsilli lokali u anke settur tal-volontorjat, naħdmu biex noffru dawn it-tip ta’ opportunitajiet.”
L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-ħdax ta’ Awwissu.