L-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi (GCHSS) fin-Naxxar għadha kif nediet il-prospett għas-sena skolastika 2024-2025. It-tnedija tal-prospett jaħbat mal-40 anniversarju mit-twaqqif ta’ din l-iskola fl-1984, magħrufa bħala l-Higher.
Illum il-GCHSS hija waħda mis-Sixth Forms l-aktar magħrufa u bħala istituzzjoni edukattiva toffri korsijiet akkademiċi u programmi edukattivi b’għażla ta’ suġġetti fil-livell Ordinarju, fil-livell Intermedju u fil-livell Avvanzat.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal: “Din l-Istituzzjoni Edukattiva post-sekondarja tipprovdi edukazzjoni permezz tal-iżvilupp sħiħ tal-abbiltajiet tal-istudent u dan il-prospett huwa riflessjoni ta’ din il-missjoni. Huwa prospett li jpoġġi lill-istudent fiċ-ċentru, u huwa mfassal fuq il-ħtiġijiet tal-istudent prospettiv tal-GCHSS. Għalhekk iħares lejn l-abbiltajiet varji li għandhom l-istudenti u kif il-GCHSS tista’ toħroġ l-aħjar elementi edukattivi tal-istudenti”.
Il-Prinċipal tal-Kulleġġ, Patrick Decelis, flimkien mal-Kap tal-Iskola, Anna Spiteri, spjegaw li l-prospett joffri gwida għall-istudenti prospettivi dwar varjetà ta’ korsijiet ta’ studju li jinkludu:
- Il-kors għaċ-Ċertifikat tal-Matrikola (MC) li jikkonsisti f’għażla ta’ korsijiet f’suġġetti fil-livell Intermedju u Avvanzat li jħejju lill-istudenti għall-korsijiet offruti mill-Università ta’ Malta.
- Il-kors fil-livell Avvanzat/Intermedju/Ordinarju (AIO) li huwa programm imfassal b’mod li joffri l-possibbiltà li jiġu studjati numru ta’ suġġetti mingħajr l-intenzjoni speċifika li jwasslu għall-Università. Il-kors AIO huwa ideali għal dawk l-istudenti li jixtiequ jtejbu l-kwalifika/i tagħhom jew jixtiequ jiksbu l-livell meħtieġ għal xi impjieg partikolari.
- Il-Programm ta’ Studju Individwali għal Studenti Adulti (IPAL), magħruf qabel bħala ‘Il-kors għal dawk li għalqu t-18-il sena’ maħsub għal studenti adulti.
- Il-Programm ta’ Studju Speċjalizzat fix-Xjenza u l-Mediċina (MSSSP) li huwa kors intensiv fil-Bijoloġija u l-Kimika fil-livell Avvanzat għal dawk l-istudenti li jixtiequ jtejbu sew il-kwalifiki tagħhom f’dawn iż-żewġ suġġetti xjentifiċi.
- Il-Programm Nazzjonali għal Żgħażagħ Sportivi (NYSP) huwa maħsub għal dawk l-istudenti li jixtiequ jkomplu jistudjaw filwaqt li jinsabu impenjati fl-atletika.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella qal li, “Filwaqt li llum tnieda dan il-prospett, nistieden l-istudenti li spiċċaw l-edukazzjoni obbligatorja biex jattendu flimkien mal-ġenituri tagħhom għall-open day ta’ nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Ġunju 2024. L-għan tal-GCHSS huwa li ssawwar ċittadini bil-ħiliet neċessarji. Dan jallinja mat-trasformazzjoni li għaddejja minnu l-edukazzjoni ta’ pajjiżna bħalissa, li l-għan aħħari tagħha huwa li trawwem ċittadini ħolisitiċi b’etika, valuri, prinċipji u integrità.”
L-esperjenza tal-Higher hija ferm aktar minn studju akkademiku f’għażla ta’ suġġetti. Il-prospett tal-GCHSS 2024-2025 joffri għadd sabiħ ta’ programmi informali u attivitajiet li jiġu organizzati b’mod regolari f’dan il-kampus.
Studenti prospettivi jistgħu jieħdu l-opportunità u jattendu għall-open day u jieħdu parir mingħand it-tim tal-guidance u l-counselling.