L-Istitut għall-Edukazzjoni nieda l-prospectus għas-sena skolastika li jmiss li tibda f’Ottubru li ġej. Fih jinkludi numru ta’ korsijiet li jvarjaw fuq diverri suġġetti u anke livelli edukattivi; fosthom 20 kors fuq livell maġisteru u 12 oħra f’livell ta’ baċellerat.
Fost il-korsijiet hemm anke dawk qosra immirati għall-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal.
Il-Kap Eżekuttiv għall-Istitut għall-Edukazzjoni, Joanne Grima qalet, “It-tfal ma jistgħux jaħdmu waħidhom jekk ma jkunx hemm is-sapport kemm tal-edukatur kif ukoll tal-ġenitur jew tal-guardian tiegħu, allura jekk ikun hemm it-tlieta li huma informati b’mod differenti skont il-bżonnijiet, huma jkunu jistgħu jgħinu lit-tifel ikollu esperejenza ta’ tagħlim sabiħa, ħolistika fejn verament ikun qed jiżviluppa. Mhux qed jiżviluppa biss moħħu imma qed jiżviluppa l-fiżiku tiegħu u qed jiżviluppa l-effetività tiegħu għax kollha flimkien jagħmlu t-tifel sħiħ jew it-tifla sħiħa.”
Din is-sena, l-istitut se jkun qed jippreżenta korsijiet ġodda oħra, fosthom kors marbut max-xjenza fuq livell ta’ maġisteru u li se jingħata b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
L-applikazzjonijiet se jinfetħu fid-19 ta’ Mejju u jistgħu jiġu aċċessati mis-sit instituteforeducation.gov.mt.