Tnieda l-programm ta’ Spazju Kreattiv għall-istaġun 2022/2023, b’aktar minn 560 avveniment, li jinkludu 400 kollaboratur u 19-il forma kreattiva.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif kwistjonijiet attwali bħall-etika, il-politika, ir-reliġjon u l-filosofija se jkunu esplorati permezz tat-teatru, wirjiet, films, kunċerti, żfin u ħafna aktar.
Dawn l-avvenimenti se jagħtu lok lil kulħadd; minn anzjani sa tfal sabiex ikun parti minn din iċ-ċelebrazzjoni. It-tfal jistgħu jkunu parteċipi wkoll f’ avvenimenti bħal ŻiguŻajg.
Dan il-programm għandu l-għan li jqajjem aktar għarfien dwar l-arti u jħeġġeġ aktar parteċipazzjoni, anke b’servizzi onlajn bħal podcasts, video-on-demand, diskussjonijiet, ritratti u żjarat online.
Sit li ġie rinovat riċentament se joffri wkoll rekord diġitali aċċessibbli anke b’ kollezzjoni tal-arti tal-organizzazzjoni.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici saħaq li programmi bħal dawn jagħtu sens ta’ komunità lill-artisti Maltin u barranin, filwaqt li faħħar ir-reżiljenza tal-artisti.
“Għandna iktar minn 500 avveniment, b’aktar minn 400 artist involut. Dawn ikomplu jsawru l-opportunitajiet artistiċi li hemm f’ dan is-settur, inkluż f’oqsma li jiġu maħluqa l-udjenzi, inkluż ŻiguŻajg, il-festival tat-tfal, li tant hu importanti.”
Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai, stqarr li minkejja t-tibdiliet li saru, l-għan ta’ dan l-ispazju jibqa’ l-istess: li jkun katalist fundamentali għal kull tip ta’ kreattività.
“Mhux qed nitkellmu biss dwar l-arti u l-kultura, imma dwar dak kollu li jista’ jkun kreattiv. Ħafna drabi mmissu ma’ proġetti li huma ta’ natura ta’ xjenza jew teknoloġija, li jikkolaboraw ma’ numru t’ artisti jew nies fis-settur artistiku.”
Min-naħa l-oħra, Id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv Daniel Azzopardi saħaq li l-programm jagħti lok għal żvilupp kreattiv u jagħti opportunita’ għal aktar networking u parteċipazzjoni tal-pubbliku.
“L-artisti qed nagħtuhom pjattaforma biex jesprimu ruħhom u jitkellmu fuq suġġetti topiċi għall-aħħar. Għaldaqstant qed inħeġġeġ lill-pubbliku hemm barra biex jikkonkorri biex jagħti l-appoġġ tiegħu għas-settur kreattiv u jingħaqad magħna f’ din iċ-ċelebrazzjoni ta’ arti u kultura.”
Aktar informazzjoni tista’ tinsab fuq is-sit: www.kreattivita.org.