Festivals Malta nediet uffiċjalment il-programm kulturali għall-avvenimenti tagħha għall-2024, li jinkludi totall ta’ tnax-il festival differenti matul is-sena sħiħa.
Fost dawn hemm il-Valletta Baroque Festival, il-Karnival, Mużika Mużika u n-Notte Bianca.
F’konferenza tal-aħbarijiet iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra tkellem dwar is-suċċess li kellha l-aġenzija tul din is-sena.
“Qegħdin nersqu lejn tmiem ta’ sena oħra, is-sena 2023 li niddiskriviha bħala sena ta’ suċċess fl-avvenimenti kollha li Festivals Malta organizzat matul din is-sena. Mhux biss għaliex irnexxielha tattira udjenzi kbar, imma anki f’dak amministrattiv.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ din l-aġenzija Frans Agius sostna li l-festivals li jsiru minn din l-aġenzija jiċċelebraw il-wirt rikk ta’ pajjiżna, waqt li joħolqu esperjenzi ġodda għall-udjenzi.
“Matul is-sena li ġejja, propju fl-2024, Festivals Malta għandha ppreparat programm ieħor vast u sabiħ u innovattiv li se jkun qiegħed jibda permezz tal-Baroque Festival, li se jibda f’Jannar.”