Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda l-programm “Summer in Gozo” li jinkludi kalendarju kulturali estensiv, mifrux fuq 13-il ġimgħa, b’diversi attivitajiet mifruxa madwar Għawdex.
Dan il-programm kulturali vast, li jinkludi aktar minn 130 attività u li hu koordinat mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, ħaseb biex itella’ attivitajiet kulturali, artistiċi u mużikali matul il-ġranet kollha tas-sajf.
“Dawn l-attivitajiet saru mhux biss sinonimi ma’ Għawdex għal matul dan il-perjodu partikolari, iżda aktar minn hekk, huma attivitajiet mistennija u mfittxija minn bosta,” qal il-Ministru Clint Camilleri.
Huwa stqarr li permezz ta’ dawn l-attivitajiet mhux biss in-nies se jkunu qed igawdu minn dan il-programm li fih varjetà u xelta ta’ avvenimenti, iżda ser jara s-sehem ta’ artisti lokali u internazzjonali kif ukoll se jagħti spinta ekonomika lokali.
“Permezz ta’ dawn l-attivitajiet, ser inkun qed inroddu lura l-pjazez fil-qalba tal-irħula tagħna, kif wegħdna, biex jitgawdew min-nies li jogħġobhom jattendu u dan peress li bosta pjazez ser ikunu magħluqa għat-traffiku waqt tmiem il-ġimgħa”, qal il-ministru.
Il-programm “Summer in Gozo” jinsab kemm fuq il-website https://eventsingozo.com/ kif ukoll fuq l-applikazzjoni eventsingozo.