Tnieda l-Programm Kulturali għal din is-sena tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta; liema programm huwa miżgħud b’avvenimenti kulturali fil-qalba tal-kapitali Maltija u l-Port il-Kbir.
Ewlenin fosthom, se tittella’ L-Għanja li Ħadd Ma Jsikket ta’ Ray Mahoney li tfakkar wieħed mill-ġganti fil-letteratura u l-poeżija Maltija. Se tittella’ wkoll il-Valletta Pageant of the Seas – festival fil-Port il-Kbir li jiġi organizzat kull sentejn kif ukoll r-Requiem ta’ Verdi.
Matul il-Ġimgħa Mqaddsa se tittella’ installazzjoni tradizzjonali b’mijiet ta’ fjakkoli fi Pjazza San Ġorġ u produzzjoni mill-personalitajiet teatrali magħrufa Joseph Galea u Carlos Farrugia.
L-għaxar edizzjoni tal-Valletta Green Festival se jiġi ċċelebrat f’Mejju bi ġnien fantastiku f’wieħed mill-ispazji miftuħa ewlenin tal-Kapitali.
Il-Programm Kulturali jinkludi bosta kollaborazzjonijiet oħra fuq skala kbira li ftit li xejn jeħtieġu introduzzjoni, bħall-Opera in the Capital u l-Valletta Local Food Festival.
Il-programm ta’ Strada Stretta jkompli bi Tribute to the Roots, il-wirja Simple Expressions of Complex Thoughts, Soundscapes, Imnarja Kubana, Strait to the Blues, Definitely Dylan, Strada Stretta Styles u Holidays Rock!
Iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef sostna li l-Aġenzija fasslet bir-reqqa programm mill-qalb biex tiċċelebra l-ħames anniversarju mill-bidu tagħha.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonnici qal li dan il-programm se joffri spettaklu diversifikat, propju fil-qalba tal-Belt Valletta.