Il-Fondazzjoni Valletta 2018 nediet il-Programm Kulturali għall-2018: ġabra ta’ aktar minn 140 proġett u 400 attività li se jseħħu matul is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Il-programm se jiftaħ fl-20 ta’ Jannar, b’serje ta’ attivitajiet spettakolari fil-Belt Valletta u l-madwar li jistiednu lill-udjenzi biex jieħdu sehem f’din il-festa mifruxa madwar il-gżira. Il-Programm Kulturali huwa inklussiv u varjat, li jinvolvi lil diversi komunitajiet u li jikkonsisti minn proġetti minn dixxiplini differenti, inkluż il-mużika, l-arti viżiva, iż-żfin u l-prestazzjoni, biex insemmu xi wħud.
Valletta 2018 investiet bil-qawwa fi programm li jara l-involviment ta’ madwar 1000 artist lokali u internazzjonali, kuratur, kollettivi ta’ artisti, mexxejja ta’ workshops, kittieba, disinjaturi, kori u produtturi tal-films. Filwaqt li numru ta’ artisti internazzjonali qed jikkollaboraw ma’ persuni lokali matul il-programm tal-2018, artisti Maltin qed jivjaġġjaw lejn il-Kapitali Ewropea tal-Kultura ġemella tagħna, Leeuwarden fin-Netherlands, kif ukoll lejn bliet oħra f’Ċipru, fil-Ġappun, fil-Polonja u fil-Greċja.
Il-programm tal-2018 huwa bbażat fuq investiment dirett ta’ €10 miljun fis-settur kulturali. Fiċ-ċentru tal-programm tal-2018 hemm bosta proġetti infrastrutturali mfassla biex jevolvu u jespandu lil hinn mill-2018. Fost dawn insibu l-MUŻA, il-Valletta Design Cluster, Is-Suq tal-Belt u Strada Stretta.
Matul dawn l-aħħar xhur, it-tim ta’ Valletta 2018 kiber minn grupp ta’ ħames persuni għal tim magħqud ta’ 45 individwi jaħdmu fuq bażi full-time, part-time jew freelance.
Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Micallef qal: “Ħdimna bla qies biex infasslu programm li jipprovdi opportunitajiet ugwali għal kulħadd; li niżguraw li l-kultura ma tkunx elitista u li l-inklussività ssir mhux biss prijorità, iżda neċessità. Is-sena 2018 twiegħed li tkun żmien li jara l-akbar attività u ċelebrazzjoni kulturali sa mill-Indipendenza ta’ Malta lil hawn”.
Il-Koordinatriċi tal-Programm ta’ Valletta 2018 Joanne Attard Mallia qalet: “2018 se tkun sena unika. Qed inħarsu lejn programm b’saħħtu ta’ 12-il xahar maħsub biex jesplora u jkabbar il-fehim tagħna dwar il-kultura u l-arti: billi jgħaqqad tradizzjonijiet, forom ta’ art u kunċetti b’modi innovattivi, u xi kultant mhux tas-soltu.
“Kemm jekk bħala artist, bħala parteċipant f’workshop, bħala voluntier ma’ Tal-Kultura, bħala membru tal-udjenza, dan huwa programm li jistieden lil kulħadd biex jipparteċipa, jesperimenta, jikkontribwixxi u jkun parti minnu,” kompliet Attard Mallia.
Id-Direttur Artistiku tal-Avvenimenti Speċjali ta’ Valletta 2018, Mario Philip Azzopardi qal: “Wara snin ta’ ppjanar, preparamenti u xogħol iebes li jinvolvi mijiet ta’ artisti, artiġjani, organizzaturi, tekniċi, voluntiera u doża tajba ta’ rieda u determinazzjoni tajba, wasal iż-żmien biex il-Belt Valletta tagħna tieħu t-titolu ta’ ‘Kapitali Ewropea tal-Kultura’.
“Fl-20 ta’ Jannar, il-belt se tinbidel f’post għal wirjiet spettakolari internazzjonali u divertiment fit-toroq li jinkludi artisti lokali, mużiċisti, kantanti u żeffiena, kollha kemm huma jikkontribwixxu għal festa għal kulħadd. Wasal iż-żmien; Ejja nibdew il-festa… int mistieden.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif għal dawn l-aħħar snin il-Gvern ħadem flimkien mal-Fondazzjoni Valletta 2018 u entitajiet oħra biex filwaqt li nsaħħu l-kultura f’pajjiżna, nressqu l-kultura eqreb lejn kulhadd bil-għan li tkun aktar aċċessibbli. B’referenza għat-titlu prestiġġjuż tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018 li se tkun qed tgawdi l-Belt Valletta s-sena li ġejja, il-Ministru Bonnici tenna li hu jemmen bis-sħiħ li dan l-avveniment għandu jservi ta’ opportunità biex kulħadd iduq il-kultura fid-diversi aspetti tagħha u jibda jagħtiha post importanti fil-ħajja ta’ kuljum. Il-Ministru Bonnici faħħar l-inizjattiva tal-Fondazzjoni li ttella’ attivitajiet kulturali fil-komunitajiet biex dan ikun jista’ verament isir.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista qal: “Valletta 2018 nistgħu ngħidu huwa l-ikbar avveniment ta’ dimensjoni internazzjonali f’Malta. Avveniment uniku li se jipprometti attendenza qawwija kemm minn udjenzi lokali u kemm minn udjenzi barranin – tant li huwa stmat li f’sena l-udjenzi se jaqbżu l-miljun persuna. Hawn stennija kbira għall-20 ta’ Jannar meta nagħtu bidu għal dan l-avveniment. L-2018 se tkun is-sena tal-Maltin kollha, li bi kburija se jara l-arti, il-kultura, l-istorja u l-lingwa fiċ-ċentru tal-proġett Ewropew.”