Tnieda l-proġett ‘Solaqua’, inizjattiva tal-Gvern, immexxija minn professjonisti lokali mill-Università ta’ Malta, bil-għan li pajjiżna jsir ċentru ta’ innovazzjoni sostenibbli fl-enerġija fil-Mediterran.
Dan il-proġett se jiffoka fuq l-użu intelliġenti tar-riżorsi naturali bħall-baħar biex tiġi żviluppata teknoloġija solari ġdida u avvanzata, li tista’ tiġi installata qrib il-kosta u tappoġġja l-bżonnijiet ta’ enerġija rinnovabbli b’mod aktar effiċjenti u kosteffettiv.
‘Solaqua’ hu frott ta’ viżjoni, li bdiet lokalment fl-aħħar snin u li issa qed tittrasforma f’soluzzjoni b’impatt kemm reġjonali kif ukoll internazzjonali.
Il-proġett jinkorpora l-ambizzjonijiet tal-Viżjoni Malta 2050 u għandu l-għan li jikkontribwixxi b’mod attiv lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u teknoloġika tal-pajjiż.
Waqt din it-tnedija, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti, qal li dan hu eżempju ċar ta’ kif ideat lokali jistgħu jitwettqu f’riżultati konkreti li mhux biss jindirizzaw l-isfidi globali tal-lum, iżda joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda għal pajjiżna.
“Bħala gżira mdawra bil-baħar, qed ninvestu f’dan is-settur marittimu li jinkludi wkoll it-teknoloġija. Fil-bidu ta’ din il-konferenza kelli l-opportunità nżur il-makkinarju f’dan il-laboratorju u stajt nosserva d-dedikazzjoni li jaħdmu biha l-ħaddiema u l-inġinieri ta’ dan id-dipartiment.”
Keith Azzopardi Tanti, Segretarju Parlamentari
Il-Professur Luciano Mulè Stagno, li qed imexxi l-proġett ‘Solaqua’, qal li dan hu prova tat-talent, id-dedikazzjoni u l-kapaċità li jeżistu f’pajjiżna.
“L-għan ewlieni tagħna hu li nniedu kumpanija start-up u li jkollna sistema full scale fuq il-baħar. Biex nagħmlu hekk irid ikollna dawn il-punti intermedjarji. Dawn il-fondi ħa jippermettulna, jekk imur kollox sew, sena sentejn oħra, jirnexxielna nniedu skema full scale fuq il-baħar u mbagħad inkunu nistgħu nbiegħu l-idea lill-kumpaniji lokali jew barranin, kif diġà kkuntattjawna diversi.”
Luciano Mule Stagno, Professur, Universita Malta
‘Solaqua’ hu mistenni jħalli impatt ekonomiku sinifikanti billi jpoġġi lil Malta f’suq Ewropew fejn qed jiġu investiti bejn €50 u €100 biljun fis-sena f’sistemi solari.
Il-proġett joffri wkoll opportunità unika għal pajjiżi mdawrin bil-baħar biex jużaw spazji ġodda għall-enerġija rinnovabbli.
Din l-inizjattiva turi kif Malta qed tħares lejn il-futur b’approċċ strateġiku u sostenibbli, billi tinvesti f’riċerka u innovazzjoni li tħalli impatt fit-tul fuq is-soċjetà, l-ekonomija u l-ambjent.