Ġie mniedi FitMAP, proġett li jippromwovi is-saħħa fiżika fl-iskejjel Maltin u Għawdxin.
Permezz ta’ dan il-proġett, li anke joħroġ mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, l-istudenti fl-iskejjel Sekondarji se jkunu qed iżommu ruħhom aktar fiżikament attivi permezz ta’ numru ta’ attivitajiet u sessjonijiet.
Dan proprju tħabbar mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, waqt żjara fl-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel, Kulleġġ Santa Tereża, u fil-preżenza ta’ numru ta’ studenti u anke edukaturi.
ONE News tkellem mal-kordinatur tal-proġett, il-Professur Andrew Decelis mill-Università ta’ Malta, li spjega wieħed x’jistenna minn FitMAP.
“Tnax-il għalliem ġew imħarrġin minn professur Taljan u huma lesti biex jibdew jagħmlu l-ewwel dawn l-eżerċizzji, sitta differenti, li jimmoniterjaw kriterji differenti fejn jidħol fitness kardjovaskolari, ta’ muskoli, ta’ body composition, biex b’hekk l-istudenti tagħna jkunu jistgħu jibdew jaħdmu biex jagħmlu titjib tal-fitness tagħhom, tas-saħħa tagħhom, tal-physical literacy tagħhom u jkunu aktar b’saħħithom.”
Prof.Andrew Decelis, Kordinatur, Fitmap
Il-Ministru Grima tenna kif, permezz tal-proġett, il-Gvern qed juri li l-istudenti u saħħithom huma fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.
“Qegħdin nagħtu l-għodda lill-istudenti għalissa permezz ta’ proġett pilota f’sitt skejjel madwar il-pajjiż, imma mis-sena akkademika li ġejja madwar Malta u Għawdex kollha. L-iskejjel Sekondarji se jkollhom aċċess għal din l-għodda li, permezz tagħha, it-tfal ikunu jistgħu jieħdu kejl ta’ dik li hi l-fitness tagħhom.”
Il-Ministru Clifton Grima