Il-padiljun taċ-Ċina fl-ewwel biennale tal-arti f’Malta tnieda fl-aħħar jiem fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt. Mifrux fuq żewġ swali interkonnessi, il-Padiljun taċ-Ċina qed jesebixxi aktar minn 100 biċċa xogħol artistika tal-artist Ċiniż kontemporanju Yan Shanchun li kien ispirat mill-West Lake, destinazzjoni popolari turistika fil-belt ta’ Hangzhou, iċ-Ċina.
Il-wirja bit-tema ‘Tracing’, li se tibqa’ għaddejja sal-31 ta’ Mejju, qed tittella’ miċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta b’kollaborazzjoni ma’ Shenzhen International Cultural Exchange Association u Shenzhen Municipal Bureau of Culture, Radio, Television, Tourism and Sports, bl-appoġġ tal-Ambaxxata taċ-Ċina f’Malta.
Meta indirizza ċ-ċerimonja tat-tnedija, l-Ambaxxatur Ċiniż għal Malta Yu Dunhai qal li, għalkemm Forti Sant’Iermu oriġina bħala magna tal-gwerra, f’din l-okkażjoni qed iservi bħala post għal wirjiet kulturali. Filwaqt li l-gwerra teqred, il-kultura tibni u, għalhekk, l-għażla ta’ dan is-sit hi sinifikanti ħafna.
Il-President tal-maltabiennale.art u Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, stqarr li kien hemm ħafna ħsieb wara l-kunċett ta’ dan il-biennale, li mhux biss jirrappreżenta l-pożizzjoni ġeografika strateġika ta’ Malta, iżda wkoll jissimbolizza t-tama għall-paċi fid-dinja.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, tkellem dwar ir-relazzjoni straordinarja bejn Malta u ċ-Ċina. Filwaqt li kkwota qawl Ċiniż, li jgħid li meta wieħed ikun qed jixrob minn bir, irid jiftakar min bena dak il-bir, fakkar fl-ewwel żewġ mexxejja kbar ta’ Malta u ċ-Ċina li bdew din il-ħbiberija dejjiema bejn iż-żewġ popli, lura fl-1972.
Hu osserva kif kienet proprju l-kultura li ntagħżlet bħala l-ewwel mezz biex tgħaqqad iż-żewġ popli, meta twaqqaf iċ-Ċentru Kulturali Malta-Ċina f’pajjiżna. Filwaqt li ddedika din it-tnedija liż-żewġ inġinieri Ċiniżi, li kienu tilfu ħajjithom waqt il-kostruzzjoni tar-Red China Dock fl-1975, stqarr li dan il-biennale mhux biss opportunità biex jissaħħu dawn ir-relazzjonijiet bilaterali, iżda wkoll mezz biex il-popli tal-Mediterran jifhmu, jaraw u jisimgħu x’jixtieq jgħid l-artist Ċiniż bix-xogħlijiet tiegħu.
Id-Direttur ta’ Shenzen Contemporary Art and Urban Planning Museum u l-Kuratur tal-padiljun taċ-Ċina, Yan Weixin, iddikjara li Malta hi rikonoxxuta bħala waħda mill-aktar pajjiżi fid-dinja li jħaddnu storja mill-aktar għanja.
L-artist Ċiniż Yan Shanchun twieled u trabba f’Hangzhou, belt magħrufa sew għal West Lake u għall-fatt li ssemmiet fil-kitbiet storiċi ta’ Marco Polo.
Filwaqt li stiednet lill-pubbliku jżur din il-wirja, id-Direttur taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f’Malta, Yuan Yuan, qalet li tittama li l-padiljun taċ-Ċina jservi bħala pjattaforma oħra biex jinfetaħ djalogu ġdid bejn l-artisti Ċiniżi u sħabhom minn Malta u minn madwar id-dinja.